Join Us On:

News Archive

PROGRAMM MUŻIKALI MILL-BANDA ‘LA STELLA’ FIL-FESTA TAL-ASSUNTA

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-banda ċittadina La Stella kienet impenjata f’servizz ieħor fir-raħal taż-Żebbuġ, fl-okkażjoni tal-festa tal-Assunta. Il-banda dekana ġiet mistiedna ttella’ programm mużikali lejlet il-festa fil-pjazza ewlenija tar-raħal. Dan kien it-tnax-il servizz li għamlet il-banda fl-irħula Għawdxin f’dan l-istaġun tal-festi. Jekk imbagħad ma’ dan in-numru ta’ servizzi nżidu s-servizzi li l-banda għamlet fil-festa ta’ San Ġorġ u servizzi oħra f’dawn ix-xhur tas-Sajf, in-numru jitla’ għal tlieta u għoxrin. 

Il-banda La Stella bdiet is-servizz tagħha fiż-Żebbuġ b’marċ qasir minn quddiem il-każin tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija sal-pjazza ewlenija. Hemm imbagħad, il-banda sabet postha fuq il-planċier, u taħt id-direzzjoni tas-surmast Joseph Vella, esegwiet programm mużikali. Hawn il-banda daqqet siltiet mużikali li jvarjaw minn dawk klassiċi għal oħrajn kontemporanji. Il-banda tat bidu għall-programm mużikali bil-marcia fantastica ta’ Vincenzo Ciappara: Sorrisi. Wara din is-silta mużikali ferm brijuża, il-banda esegwiet l-arranġament mużikali ta’ Glenn Osser: Italian Festival, b’ġabra ta’ kanzunetti popolari Taljani. Il-banda mbagħad daqqet selezzjoni mill-musical ferm popolari The Phantom of the Opera  A. L. Webber. Kien imiss imbagħad li ngħaddu għal silta oħra din id-darba mill-film popolarissimu Ben-hur. Hawn il-banda daqqet The Parade of the Charioteers – bla dubju l-aktar silta mużikali famuża minn dan il-film kolossali. Mill-mużika tal-film Ben-hur  għaddejna għal silta oħra b’selezzjoni mill-ballets ferm popolari tal-kompożitur Russu Tchaikovsky: The Nutcracker; Romeo and Juliet u Swan Lake, miġbura f’dan l-arranġament bl-isem A Night at the Ballet. The Band at the Opera kienet l-aħħar silta mużikali magħżula għal dan il-programm mużikali. Dan l-arranġament ta’ Joseph Compello jiġbor fih selezzjoni mill-opri Carmen, William Tell, Pagliacci u Il Trovatore. Il-banda għalqet il-programm tagħha b’tislima lil Marija Assunta, patruna tar-raħal taż-Żebbuġ, bid-daqq tal-Ave Maria.

Nhar is-Sibt 29 ta’ Awwissu, il-banda La Stella tagħlaq l-impenji tagħha f’dan l-istaġun tal-festi, bi programm mużikali ieħor din id-darba fir-raħal ta’ Għajnsielem fejn ser tkun qed tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna ta’ Loretu.