Join Us On:

News Archive

PROGRAMM MUŻIKALI KBIR F’JUM SAN ĠORĠ MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA

Ninsabu biss ġimgħa bogħod mill-festa liturġika tal-patrun tal-belt Victoria u protettur tal-Għawdxin San Ġorġ Martri, meqjum fil-bażilika proto-parrokkjali tal-belt Għawdxija. Biex jitfakkar dan il-jum, is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella, ser ittella’ programm mużikali kbir fi pjazza San Ġorġ, nhar il-Ħamis 23 ta’ April, jum il-festa fit-8.00pm.

F’dan il-programm mużikali l-banda dekana bħalma tagħmel dejjem ser tesegwixxi numru ta’ kompożizzjonijiet li jvarjaw minn mużika klassika, opri, musicals, u mużika kontemporanja – taħlita ta’ mużika magħżula biex tolqot lil kulħadd. Bla dubju l-akbar biċċa xogħol li ser tindaqq hija l-kompożizzjoni kolossali ta’ Peter Ilyich Tchaikovsky, l-1812 Overture. L-esekuzzjoni ta’ din il-kompożizzjoni ser tkun waħda spettakolari u kompluta, li wieħed żgur m’għandux jitlef. 

Barra dan ix-xogħol kbir ta’ Tchaikovsky li ser jagħlaq dan il-kunċert, il-banda ser tesegwixxi erba’ siltiet mużikali oħra. Jiftaħ il-programm l-arranġament ta’ Joseph Compello The Band at the Opera, silta li kif jixhed it-titlu tiġbor fiha selezzjonijiet minn opri liriċi differenti li huma: Carmen (Bizet); Pagliacci (Leoncavallo); Il Trovatore (Verdi); u William Tell (Rossini). Imiss imbagħad xogħol ieħor mill-isbaħ tal-kompożitur Amerikan Aaron Copland: Fanfare for the Common Man – waħda mill-isbaħ xogħlijiet ta’ dan il-kompożitur modern, fost l-aqwa fanfarri li qatt inkitbu. Wara din is-silta, il-banda ser teħodna lura fis-snin tmenin u ddewwaqna wħud mill-aktar kanzunetti popolari ta’ dan iż-żmien. L-arranġament tas-silta mużikali Eighties Flashback huwa ta’ Paul Murtha. Wara dan il-vjaġġ lura fis-snin tmenin, il-banda tesegwixxi siltiet minn wieħed mill-aktar musicals popolari, xogħol mill-aqwa ta’ Andrew Lloyd Webber: The Phantom of the Opera.

Kif semmejna aktar kmieni, il-banda ser tagħlaq dan il-kunċert mużikali bl-esekuzzjoni tal-Overture 1812,  bla dubju waħda mill-awqa xogħlijiet ta’ dan il-kompożitur Russu. F’dan il-kunċert il-banda ser tkun taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, surmast direttur tal-banda tagħna għal dawn l-aħħar 39 sena. Kif jintemm dan il-programm mużikali l-banda tkompli bl-impenji tagħha marbuta mal-festa liturġika ta’ San Ġorġ b’marċ minn Pjazza San Ġorġ sal-każin La Stella fi Triq ir-Repubblika. 

Iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi marbuta ma’ din il-festa jiftħu nhar il-Ħadd 19 ta’ April, bit-Tridu Solenni fil-bażilika. Lejlet is-solennita’, filgħaxija jkun hemm ċelebrazzjoni pontifikali tal-ewwel għasar, segwita minn Velja ta’ talb, qari u kant fi Pjazza San Ġorġ, immexxija wkoll minn Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru tal-bażilika, il-kor Laudate Pueri, u l-banda ċittadina La Stella.

F’jum il-festa, fil-każin La Stella ssir l-ikla ta’ jum San Ġorġ f’12.30pm. Filgħaxija mbagħad ikun imiss pontifikal solenni mmexxi minn Mons. Isqof, segwit mill-programm mużikali mill-banda ċittadina La Stella u dimostrazzjoni brijuża mill-pjazza sal-każin La Stella bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel.

Fis-sezzjoni tar-ritratti, wieħed jista’ jsib ukoll il-programm sħiħ ta’ dawn il-festi maħruġ mill-parroċċa ta’ San Ġorġ u s-Soċ. Filar. La Stella. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ wkoll iżur is-sit tal-parroċċa www.stgeorge.org.mt