Join Us On:

News Archive

PROGRAMM MUŻIKALI IEĦOR MILL-BANDA ‘LA STELLA’

Fl-okkażjoni tat-tielet anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-banda ċittadina ‘La Stella’, fuq stedina tal-Kunsill tal-Kultura (Ministeru għal Għawdex) għamlet marċ u programm mużikali fil-belt Victoria. Ta’ min isemmi li dan kien it-tieni Programm imtella’ mill-banda tal-belt Victoria fi żmien ġimgħatejn. Is-servizz tal-bieraħ, beda b’marċ tul Triq ir-Repubblika, fis-6.30pm u eżattament wara ngħata bidu għal Programm Mużikali ġewwa Pjazza Indipendenza. Għal dan il-programm attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom l-Onorevoli Prim Ministru u s-Sinjura Gonzi, l-E.T. Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech, l-iSpeaker tal-Kamra tad-deputati u s-sinjura Tabone, il-Ministru għal Għawdex, l-Onorevoli Giovanna Debono, kunsillieri Rabtin u diversi mistiedna oħra.

Il-banda ‘La Stella’ li kienet taħt id-direzzjoni tal-Prof Mro Joseph Vella, fetħet dan il-Programm bl-innu għal Għawdex u l-innu La Stella. Imbagħad il-banda daqqet l-ewwel silta mużikali f’dan il-Programm li ġabet l-isem ta’ ‘Italian Festival’ – kompożizzjoni ta’ Glenn Osser, silta ferriħija u mexxejja li dritt ambjentat lill-folla preżenti fix-xena mużikali Taljana. Wara din is-silta kien imiss il-marcia ‘Stella d’Italia’ kompożizzjoni ta’ Giovanni Parisi, silta oħra Taljana kif jixhed isimha, mill-aktar dinamika. Il-banda esegwiet ukoll silta mill-pinna ta’ l-ex assistent surmast Sunny Galea, ‘Overture No.1 in Bb’ – silta mqassma fi tliet movimenti u hawn ħarġu bħala solisti Mario Galea fuq il-Klarinett u Michel Refalo fuq il-Kurunetta. Wara, il-banda daqqet kompożizzjoni ta’ Peter I. Tchaikovsky – ‘A Night at the Ballet’. Din is-silta inkludiet selezzjonijiet ta’ uħud mill-melodiji immortali meħuda minn tlieta mill-balletti ta’ dan il-kompożitur Russu: ‘Swan Lake’; ‘The Nutcracker’; u ‘Romeo and Juliet’. Silta oħra kienet ‘Wind beneath my Wings’ ta’ L. Henley u J. Silbar, silta moderna li fiha ħarġu bħala solisti Michel Refalo fuq il-kurunetta u Anton Sacco fuq l-Ewfonju. L-aħħar silta mużikali esegwita f’dan il-Programm kienet l-overture ta’ l-opra ‘Norma’ ta’ Vincenzo Bellini, silta mill-aktar magħrufa li niżlet għasel mal-udjenza preżenti.

Għal din l-okkażjoni l-Onorevoli Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex ippreżentat tifkira lil Prim Ministru Dr. Lawrence Gonzi, li mbagħad għamel ukoll messaġġ ta’ l-okkażjoni, fejn fost l-oħrajn faħħar l-impenn tas-Soċjetajiiet Mużikali Għawdxin b’risq il-kultura ta’ pajjiżna, u feraħ ukoll lill-Banda ċittadina ‘La Stella’ u lis-surmast Vella għal dan il-kunċert mill-isbaħ u mill-aktar impenjattiv li ġie mtella’ għal din l-okkażjoni.

Il-kunċert intemm bid-daqq ta’ l-innijiet ta’ l-Ewropa u dak Nazzjonali. Dan il-kunċert kompla kkonferma l-post prestiġjuż li tgawdi l-banda ‘La Stella’ fix-xena lokali bandistika u kien ta’ unur kbir għas-Soċjetà li tippreżenta kunċert ta’ livell għoli f’okkażjoni bħal din.