PROGRAMM MILL-BANDA ĊITTADINA U DEKANA LA STELLA
Nhar is-Sibt 12 ta’ Lulju 2025 fi Pjazza San Ġorġ se jittella programm mill-Banda Ċittadina La Stella bl-isem “Il-Mużika ta’ Mons. Giuseppe Farrugia (1852-1925), fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-mewt tiegħu. Mons. Farrugia kien benefattur kbir tal-Bażilika ta’ San Ġorġ fejn ta kontribut sew fil-qasam liturġiku-pastorali, sew f’dak storiku-kulturali. Mons. Farrugia, jew kif magħruf “tal-Vers”, ikkompona ħafna biċċiet mużikali u l-Banda Ċittadina u Dekana La Stella għandha numru ta’ xogħolijiet tiegħu fl-arkivju mużikali. F’dan il-programm, li se jkun iddedikat għall-mużika tiegħu, se jindaqqu numru ta’ biċċiet mir-repertorju tiegħu. Il-banda se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea. Se jiehu sehem ukoll il-Kor tat-tfal tat-Teatru Astra ‘Piccole Stelle’ taħt id-direzzjoni ta’ Sylvana Attard.
Minn din il-paġna nistednukom tingħaqdu magħna nhar is-Sibt 12 ta’ Lulju, fit-8pm ġewwa Pjazza San Ġorġ biex tassistu għal dan il-programm mużikali uniku fis-sena ċentinarja mill-mewt ta’ Mons Giuseppe Farrugia.
Dan il-programm qed isir bl-għajnuna tal-Social Causes Fund amministrat mill-Social Causes Fund Committee.



