Join Us On:

News Archive

PROGRAMM MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA

Il-bieraħ filgħaxija, il-Banda Ċittadina La Stella kienet impenjata bi programm mużikali ġewwa Pjazza Indipendenza bħala l-unika attività organizzata minnha fil-festa ta’ San Ġorġ 2021.  Naturalment din mhix festa normali u allura kellna naddattaw kif nistgħu biex ingawdu ftit mill-festa u fl-istess ħin nimxu mar-regoli mitluba mill-awtoritajiet minħabba l-imxija tal-Covid 19.

Għal din l-attività attendew il-Ministru l-Onor. Clint Camilleri, il-Ministru l-Onor. Dr. Anton Refalo, il-Ministru l-Onor Dr Justyne Caruana, id-deputati parlamentari minn naħa tal-oppożizzjoni, is-Sindku tar-Rabat Għawdex is-Sur Josef Schembri, membri tal-kumitat immexxija mill-President is-Sur Michael Formosa, l-Arċipriet Mons. Joseph Curmi u bosta partitarji.   Il-Banda Ċittadina La Stella kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea filwaqt li s-serata ġiet ippreżentata mis-Sur Nathaniel Attard.

L-ewwel parti tal-programm kienet tinkludi biċċiet klassiċi bħall-Overture ta’ Bellini min-Norma, Preludio in E Flat ta’ Vincenzo Ciappara, il-Peer Gynt Suite bl-erba’ movements Morning Mood, The Death of Ase’s, Anitra’s Dance u In the Hall of the Mountain King.  Wara kien imiss għal biċċa aktar moderna fejn indaqqet God Save the Queen fuq arranġament ta’ Carlos Alvarez, li kienet tinkludi biċċiet sbieħ mir-repertorju tal-grupp leġġendarju Queen.

Dritt wara saru żewġ diskorsi qosra, wieħed mill-President Michael Formosa, kif ukoll mill-Ministru għal Għawdex il-Perit Clint Camilleri.  Waqt is-serata l-bandist Lawrence Schembri ġie maħtur bandist onorarju fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Banda, peress li minħabba raġunijiet ta’ saħħa s-Sur Schembri dan l-aħħar kellu jirtira.  Prosit tassew lis-Sur Schembri, bandist eżemplari li dejjem ħabb u ta ħinu lill-banda tagħna.  Ta’ min isemmi wkoll li waqt id-diskors tiegħu, il-President Michael Formosa sellem il-memorja ta’membri li ħallewna matul l-aħħar sena, fosthom is-Sur John Farrugia, is-Sur Michael Camilleri u s-Sur Pawlu Cassar, li ċertament ma għandu bżonn ebda introduzzjoni.  Pawlu kien u jibqa’ l-kolonna ewlenija tas-Soċjetà Filarmonika La Stella kif nafuha llum.

Wara din il-pawsa mużikali kien imiss lil biċċiet marbuta mal-festa fosthom l-innu l-kbir Inno a San Giorgio Martire ta’ Giardini Vella, l-innu Lill-Kbir Martri San Ġorġ ta’ Ciappara, Inno La Stella ta’ Giardini Vella, l-Innu lil Għawdex tal-Prof. Joseph Vella u fl-aħħar nett l-Innu Malti.

Dan il-programm kien possibbli bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat għall-Wirt Kulturali f’Għawdex.

Ritratti: Sam Cefai