PROĠETT TA’ ARTI KONTEMPORANJA FIT-TEATRU ASTRA
It-tħejjijiet issa ilhom għaddejjin ġmielhom. Wasalna fl-aħħar fażi ta’ dan il-proġett fejn bħalissa artisti f’Malta, f’Għawdex u anke barra minn Malta, qed jaħdmu fuq proġetti differenti li fil-jiem tax-xahar ta’ Mejju se jiġu installati fl-ispazji tat-Teatru Astra u l-foyer tiegħu, biex flimkien jiddjalogaw mal-identita’ tal-gżira ta’ Għawdex. L-evoluzzjoni ta’ dan il-proġett bdiet meta xi sentejn ilu ġejt avviċinat mill-President tat-Teatru Astra is-Sur Michael Formosa biex naħdem fuq avveniment artistiku marbut ma’ Għawdex. Jiena mill-ewwel ħsibt li għandi nagħmel xi ħaġa li tkun innovattiva u mhux tas-soltu. U allura, wara ħafna ħsieb, dħalt għal dan il-proġett ambizzjuż. Ridt avveniment artistiku li jiċċelebra l-identita’ ta’ Għawdex b’mod ġdid u li jirrifletti ż-żmien li qed ngħixu fih, li jevalwa kemm jista’ jkun b’mod oriġinali l-kuntest ta’ Għawdex u l-kunċetti relatati miegħu, permezz tal-lingwa vibranti tal-arti kontemporanja.
Hekk twieled il-proġett Identity of an Island – Gozo: Art between past and present. Kif jindika dan it-titlu, il-proġett huwa magħmul minn żewġ partijiet, u jittratta kemm l-arti tal-lum kif ukoll dik tal-passat, dejjem b’Għawdex fiċ-ċentru taż-żewġ inizzjattivi. Illum se nitkellem fuq il-parti viżiva u kontemporanja ta’ dan il-proġett, li se tieħu l-forma ta’ wirja kollettiva ta’ arti kontemporanja li se tiġi inawgurata fit-Teatru Astra nhar is-Sibt 30 t’April 2022 u ddum miftuħa għall-pubbliku sa nhar il-Ħadd 22 ta’ Mejju. Permezz ta’ din il-wirja, rrid inkisser il-forma tas-soltu fejn jidħol Għawdex u l-arti, billi noffri perspettiva alternattiva, u allura l-esebizzjoni fi ħdan l-avveniment se jkollha t-titlu ta’ Alternative Perspectives.
Il-kunċett tiegħi għal din il-wirja huwa li nippreżenta lil Għawdex bħala suġġett u pjattaforma għal żvilupp ta’ proġetti artistiċi li jirrelataw ma’ fenomeni, kunċetti u ideat li jagħmlu u jsawru lil Għawdex tal-ġurnata tal-lum, fil-bidu tat-tielet deċennju tas-seklu wieħed u għoxrin. Irrid illi nħarsu, kif fil-fatt qed nagħmlu – kemm bħala direttur artistiku u kemm bħala artisti ndividwali – lejn possibiltajiet ġodda li jistgħu jwelldu xogħolijiet kunċettwali li joħolqu djalogu u jikkreaw dibattitu. Ridt ukoll li l-artisti jikkummettaw fuq okkorrenzi fil-ħajja reliġjuża, politika, soċjali, ambjentali u kulturali tal-gżira, u kif Għawdex huwa milqut ukoll minn fenomeni li mhumiex neċessarjament uniċi għalih.
Għal dan il-għan, fix-xhur li għaddew, wara li ddiskutejt il-viżjoni u l-proposta tiegħi mad-diriġenza tat-teatru, u wara li tfasslet websajt apposta għall-avveniment – www.identityofanisland.com – kienet ħarġet sejħa għall-interess biex artisti kontemporanji jipproponu proposti għal dan il-progett. Wara din is-sejħa, saru diversi laqgħat mal-partijiet konċernati fejn l-artisti kollha ddiskutew miegħi l-ideat partikolari tagħhom, u ddeċidejna rigward l-ispazji li fihom setgħu jinstallaw ix-xogħolijiet tagħhom. Irrid inżid ukoll li d-diriġenza tat-teatru taħt it-tmexxija tas-Sur Formosa, mill-ewwel emmnet bis-sħiħ f’dan il-proġett, u nemmen ukoll li dan huwa proġett sinifikanti ħafna fil-kuntest lokali, fejn teatru u fil-fatt ukoll sede ta’ banda filarmonika – ħafna drabi assoċjati mat-tradizzjoni speċjalment dik tal-festi – qed jiġi mibdul fi spazju li qed ikun jilqa’ fih proġett ta’ arti kontemporanja.
Il-viżjoni tiegħi kienet tinkludi wkoll li apparti mill-ispazji l-ġodda f’partijiet mill-foyer tat-teatru, nuża wkoll it-teatru nnifsu bħala spazju għall-arti viżiva. Huwa nteressanti u affaxxinanti ħafna l-fatt li l-ispazji tat-teatru, li jinkludu l-palk innifsu, il-backstage, l-orchestra pit, is-sala u l-kurituri tat-teatru, se jkunu qed jospitaw ħmistax-il artist differenti li flimkien ser ikunu qed jesebixxu xogħolijiet ta’ skultura, pittura, installazzjoni, video art u fotografija fl-ispazji li normalment jintużaw għat-teatru u l-mużika. B’hekk, it-teatru se jkun trasformat fi spazju għall-arti viżiva, fejn proġetti differenti se jiddjalogaw flimkien. Ix-xelta tal-artisti kienet waħda delikata u studjata: hija selezzjoni ta’ artisti stabbiliti u oħrajn inqas magħrufa; ingħata wkoll spazju għal ismijiet ġodda fid-dinja tal-arti lokali.
Kumplessivament, f’din il-wirja kollettiva ta’ arti kontemporanja se naraw disgħa u għoxrin artist ġejjin minn dixxiplini artistiċi diversi, li se jħarsu lejn Għawdex minn lenti differenti u se jiffokaw, fost l-oħrajn, fuq kwistjonijiet li jolqtu lil Għawdex bħala gżira fil-kuntest Malti u nternazzjonali, u se joħolqu rakkonti artistiċi li huma relatati ma’ Għawdex. Il-punti tat-tluq li se jiġu trattati jvarjaw minn kunċetti bħalma huma dawk ambjentali, reliġjużi, soċjali, u politiċi, u jitrattaw il-bilanċ soċjali, l-immigrazzjoni, il-mitoloġija, il-kostruzzjoni, l-iżvilupp u d-distruzzjoni, ir-relazzjoni ta’ Għawdex ma’ Malta, u l-aspettattivi tal-popolazzjoni lokali, in-natura, l-ekoloġija u s-sajd, fost ħafna oħrajn. Meħudin flimkien, dawn ix-xogħolijiet se joffru varjeta’ rikka ta’ ħsieb, dixxiplini u viżwali li għandhom joffru mument importanti fl-iżvilupp artistiku ta’ Għawdex.
Għal dawk li m’humiex familjari ħafna mal-kamp artistiku, il-lingwa li se tintuża għall-din il-wirja hija dik tal-arti kontemporanja, tip ta’ arti li normalment hija dinamika ħafna fil-profondita’ tal-ħsieb tagħha, fid-djalogu tagħha ma’ temi differenti u d-diversita’ li hija tħaddan, fl-użu tal-materjali u l-metodi li jsawwruha, u r-relazzjoni tagħha mal-ispazji li tokkupa. Fil-fatt għal din il-wirja m’aħniex ħa naraw serje ta’ kwadri jew skulturi, imma serje ta’ proġetti żgħar li ħafna drabi jgħaqqdu dixxiplini differenti flimkien. Dan l-approċċ huwa totalment differenti mill-arti tradizzjonali li din il-wirja konxjentement tipprova tevita, u allura se naraw arti li hija differenti mill-atteġġjamenti ta’ ħafna artisti li ripetutament ispiraw rwieħhom mill-ġmiel naturali tal-baħar u tal-widien, tal-għoljiet bil-knejjes imperrċa fuqhom, u bit-toroq qodma li jserrpu madwar il-villaġġi. Nistgħu ngħidu li din it-tradizzjoni ta’ Għawdex bħala suġġett ta’ pittura pjuttost romantika u pittoreska bdiet lejn it-tmiem tas-seklu tmintax u kompliet sa żmienna, fejn anke artisti tal-lum baqgħu jirrepetu formola li hi pjuttost utopika, repettitiva u tradizzjonali, u li ftit li xejn turi ħsieb, anqas u anqas profond. Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet principali ta’ din il-wirja huwa li tkisser formoli li – tajbin kemm huma tajbin – issa saru xi ftit jew wisq skaduti.
Dan il-proġett kiseb fondi mill-Unjoni Ewropeja permezz tal-programm immexxi mill-Gozo Action Group taħt il-miżura 3 tal-Leader Programme Gozitan Attractions and Innovative Events for all Seasons kif ukoll bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Volontarjat u l-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-iSports.
_____
Din il-wirja qed niddedikaha lill-artist Frank Portelli (1922-2004), wiehed mill-pijunieri tal-Arti Moderna f’Malta li fis-snin sittin kien ġie kkumissjonat bid-disinn tat-Teatru Astra, liema dekorazzjoni ġiet parzjalment distrutta fin-nirien ta’ Novembru 2003. Minn din id-dekorazzjoni baqa whud mir-riljevi tal-polystyrene li Portelli nnifsu kien ħadem. Jiena għażilt tmienja minn dawn li se jkunu esebiti wkoll għal din il-wirja. Bħalma Portelli kien ambizzjuż u nnovattiv fid-disinn tiegħu fis-snin sittin, hekk ukoll din il-wirja għandha l-ambizzjoni li tħares lejn Għawdex minn ottika differenti, u tippromwovi riċetta artistika li hija kontemporanja.
Dr Mark Sagona
Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti
Fakulta’ tal-Arti
Universita’ ta’ Malta
27 ta’ Frar 2022