Join Us On:

News Archive

PRODUZZJONI TA’ TANGO LI QED IDDUR L-EWROPA, GĦAL FESTIVAL MEDITERRANEA

Il-produzzjoni oriġinali, Tango Emoción, ispirata mill-atmosfera Arġentina ta’ dan il-ġeneru ta’ żfin, se ssir f’Malta l-Gimgħa 26 t’Ottubru fil-lukanda Kempinski San Lawrenz, bħala parti mill-11-il edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, organizzat minn Teatru Astra.
 
Il-produzzjoni Tango Emoción, miktuba mill-mezzo-sopran Rumena Oana Andra, saret għall-ewwel darba fit-Teatru Nazzjonali tal-Opra ta’ Bucharest fl-2010. Bħalissa l-produzzjoni qed iddur l-Ewropa u fl-2013 se tkun qed issir mill-inqas fil-Bulgarija u fl-Awstrija.
 
L-attività f’Ghawdex se ssir fis-serata li tifred iż-żewġ rappreżentazzjonijiet tal-attività prinċipali ta’ Festival Mediterranea, jiġifieri l-opra ta’ Giacomo Puccini Madama Butterfly, li se ssir f’Teatru Astra. Min jixtieq jattendi għas-serata taż-żfin jista’ jakkwista biljett imraħħas jekk jixtriħ ma’ dak tal-opra.
 
Tango Emoción hi bbażata fuq 17-il tango magħrufin ferm, minn xogħlijiet ta’ Carlos Gardel sa Astor Piazzolla. Tirrappreżenta l-ħarba minn realtà kerha mimlija ritmi aggressivi u impersonali, għal ħajja ta’ ċerta intensità. Il-produzzjoni hi mibnija prinċipalment fuq l-artisti, fuq l-espressjoni umana, vokali u figurattiva, u li se jkantaw, jirreċtaw u jiżfnu tango Argentin f’atmosfera spettakolari.
 
Sa mill-ewwel darba illi ttellgħet, Tango Emoción saret f’teatri ppakkjati u kellha kritika mill-isbaħ. Il-produzzjoni ntagħżlet mill-Ambaxxatur Arġentin fir-Rumanija nnifsu bħala attività uffiċjali biex jitfakkar il-mitejn anniversarju mill-Indipendenza tal-Arġentina, f’Mejju 2010.
 
Festival Mediterranea hu attività ta’ kważi xahar sħiħ li jinkludi kunċert bil-pjanu mill-iżgħar pjanist b’id waħda fid-dinja, kunċert ta’ arias ta’ opri, u kunċerti ta’ mużika sinfonika. Jinkludi wkoll taħdita dwar żmien il-Kavallieri, u numru ta’ żjarat f’postijiet ta’ interess.
 
Il-programm sħiħ tal-festival jinsab fuq is-sit elettroniku www.mediterranea.com.mt. Iktar informazzjoni tinkiseb minn fuq 21550985, Bookings min-numru 79256897.