Join Us On:

News Archive

PRESEPJU GĦAWDXI B’DIFFERENZA

Ġewwa l-Każin La Stella, l-Belt Victoria, bħalissa hemm għal wiri presepju speċjali li jirrapreżenta xeni tipiċi mill-gżira Għawdxija. Minbarra x-xenografija ta’ gżiritna, maħduma b’teknika ta’ livell għoli ħafna mill-artist Michael Cutajar Zahra, il-presepju fih sett pasturi maħduma mill-istess artist li jirrapreżentaw karattri magħrufa Għawdxin jew inkella assoċjati mal-knisja. Hekk per eżempju niltaqgħu ma pastur li jirrapreżenta lil Dun Ġorġ Grima, magħruf ma bosta għal ġid li għamel fil-missjoni, u ieħor li jirrapreżenta lil Dun Feliċ Tabone, li ismu huwa sinonimu mall-Bażilika ta’ San Ġorġ, ma’ karattri magħrufa ħelwin bħal George Said (id-Dias) li ta kontribut kbir fil-qasam tad-divertiment, u oħrjan bħal Mario Attard (l-Isparrow), Paul Xerri (Xifu) u Celestino Cini (Ċilist) magħrufin għal karattru simpatiku tagħhom. Fost il-pasturi nsibu wkoll lil Mark Schembri, bandist, benefattur u sostenitur kbir tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u lil Ġanni Magro, promotur importanti fil-qasam agrikolu Għawdxi. Is-slaten Maġi huma rappreżentati mill-tlett personaġġi importanti fil-knisja lokali u anke universali, li huma l-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof Charles J Scicluna, l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Mario Grech (meta sar il-pastur kien Isqof t’Għawdex), u il-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku, liema pasturi tal-Maġi jġorru l-firma tal-personaġġ li jirrapreżentaw. L-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Mario Grech , il-bieraħ onorana bil-preżenza tiegħu meta ġie jżur dan il-presepju uniku, fejn kien milqugħ mill-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella Michael Formosa u l-artist innifsu Michael Cutajar Zahra.

Il-pubbliku hu mħeġġeġ li jżur il-presepju fil-każin tas-Soċjetà Filamonika La Stella, li se jkun miftuħ sas-6 ta’ Jannar, mill-10am sa 2pm u mill-5 pm sat-8pm. Id-dħul hu b’xejn.

(Ritratti: Joe Attard)