PREPARAMENTI GĦALL-FESTA 2012
Baqa’ ftit aktar minn erba’ xhur għall-festa tal-Patrun tal-Belt Victoria u Protettur t’Għawdex kollu San Ġorġ Martri, imma x-xogħol ġa beda. Kif wieħed jista’ jimmaġina l-preparamenti għall-festa jibdew minn diversi xhur qabel, tista’ tgħid f’kull qasam u aspett tagħha.
Minbarra l-banda li bħalissa tkun impenjata bil-preparamenti għall-Ġimgħa Mqaddsa, l-fergħat l-oħra tas-Soċjetà jkunu qed jippjanaw l-festa u dak kollu li jsir matul il-jiem ta’ qabel it-tielet Ħadd ta’ Lulju. L-Għaqda tal-Armar pereżempju tkun għaddejja bix-xogħol ta’ restawr u xogħol ġdid li jkun ippjanat li jiżżanżan din is-sena. Naturalment dan ix-xogħol idum sejjer kważi s-sena kollha. Hemm imbagħad preparamenti marbutin mal-Għaqda tan-Nar, ma dawk tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel u ma dawk li jorganizzaw il-briju. Dawk inkarigati mill-pubblikazzjoni tal-festa jkunu wkoll bdew jiġbru materjal biex jiġi kkonsidrat quddiem il-bord editorjali. L-eżekuttiv mill-banda l-oħra jkun ġa beda’ jippjana l-loġistika tad-diversi attivitajiet marbutin mal-festi esterni.
Huwa l-għan tagħna li nżommukom aġġornati b’dak li jkun qed jiġri. Minbarra s-sit uffiċjali Intom tisgħu issegwuna bid-diversi links uffiċjali tas-Soċjetà, inklużi l-paġna tal-Facebook (www.facebook.com/lastella.com.mt) kif ukoll Youtube (www.youtube.com/user/lastellaband).