PREMJU INTERNAZZJONALI GĦAS-SURMAST JOSEPH VELLA
Ftit tal-ġimgħat ilu, is-Surmast Direttur tal-Banda Ċittadina ‘La Stella’, il-Prof. Joseph Vella, irċieva ‘Premio alla Carriera’ mir-Regione di Trapani u Citta’ del Mazzara del Vallo. Dan il-premju internazzjonali ngħata lis-surmast Vella bħala rikonoxximent għall-kontribut kbir tiegħu fil-qasam mużikali f’pajjiżna u barra minn Malta.
Dan huwa ta’ unur kbir mhux biss għall-Prof. Joseph Vella, iżda wkoll għal pajjiżna, għal Għawdex, u fuq kollox għas-Soċjetà ‘La Stella’ u l-bażilika ta’ San Ġorġ, li tagħha huwa ‘Maestro di Cappella’. Dan kien suċċess kbir ieħor għal dan il-kompożitur u direttur mużikali, fil-karriera tiegħu.
Joseph Vella hu wieħed mill-aqwa kompożituri ta’ żmienna b’fama internazzjonali. Hu kiteb bosta xogħlijiet mużikali magħrufa fosthom solo, chamber, korali u sinfoniċi. Il-kompożizzjonijiet tiegħu ndaqqew f’diversi pajjiżi fl-Ewropa, l-Istati Uniti u anke fil-Ġappun.
Il-lista twila ta’ xogħlijiet ta’ Vella tinkludi seba’ ‘Concerti’, (tnejn għall-pjanu, tnejn għall-vjonlinċell, u wieħed għall-flawt, il-fagott u l-vjolin), tliet sinfoniji (l-aħħar waħda hija “The Apocalypse Verses”, li ndaqqet għall-ewwel darba f’waħda mis-serati tal-Victoria International Arts Festival, fl-14 ta’ Lulju 2003, fl-okkażjoni tas-sbatax-il ċentinarju Ġorġjan, tliet ‘oratorios’, seba’ ‘song cycles’ u żewġ ‘cantatas’. Minbarra dawn ix-xogħlijiet il-kbar insibu wkoll numru kbir ta’ xogħlijiet oħra li jinkludu innijiet liturġiċi, marċijiet brijużi u funebri. Il-kompożizzjonijiet tiegħu ġew imfaħħra fl-Italja, Spanja, Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, il-Greċja, l-Irlanda, il-Bulgarija, Tokjo u l-Kanada. F’Settembru 2001 huwa ddirieġa l-‘Prometheus Symphony Orchestra’ ta’ New York waqt kunċert b’xogħlijiet minn tiegħu fil-Lincoln Center (Alice Tully Hall). Uħud mix-xogħlijiet tiegħu ġew ukoll irrikordjati fuq CDs.
Bħala direttur mużikali huwa mexxa diversi orkestri kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta (Malta National Orchestra, Sofia Philharmonic Orchestra, Prometheus Symphony Orchestra, Orquestra Nacional do Porto, Orchestra “Goffredo Petrassi” di Roma, “Gli Armonici” Palermo, Yamaha Foundation Symphony Orchestra, fost l-oħrajn). Permezz tar-rabta tiegħu mal-Malta Choral Society (1972-1982) hu introduċa f’Malta xogħlijiet korali minn repertorju tradizzjonali u kontemporanju: “Requiem” ta’ Mozart, “Choral Symphony” ta’ Beethoven, “Carmina Burana” ta’ Carl Orff, “Ballad of Heros” ta’ Britten, “Te Deum” ta’ Bruckner, u “Chichester Psalms” ta’ Bernstein.
Fl-1970 Joseph Vella laħaq direttur mużikali tas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ u tat-Teatru Astra u mexxa diversi produzzjonijiet li ttellgħu f’dan it-teatru, fosthom l-opri Rigoletto, Lucia di Lamermoor, Aida, Nabucco, Macbeth, Turandot, Forza del Destino, Gioconda, Il Trovatore, La Traviata, Un Ballo in Maschera, La Boheme, Tosca, Pagliacci, Suor Angelica, u Cavalleria Rusticana fost tant oħrajn. Hu dderieġa wkoll lill-banda ‘La Stella’ waqt programmi mużikali f’uħud mill-aqwa pjazez fl-Ewropa fosthom Piazza della Signoria (Firenze), Piazza Navona (Ruma), f’Venezja, Praga, Vjenna, kif ukoll ġewwa Toronto, il-Kanada.
Minn qalbna nixtiequ nifirħulu u nawgurawlu aktar u aktar suċċessi. Bla dubju s-Soċjetà tagħna hija ferm kburija li għal dawn l-aħħar sebgħa u tletin sena kienet taħt it-tmexxija tas-surmast Vella – snin li fihom il-banda tagħna baqgħet iżżomm l-ogħla post fil-qasam bandistiku f’pajjiżna.