Join Us On:

News Archive

PEDESTALL MONUMENTALI GĦALL-VARA TA’ SAN ĠORĠ PATRUN TA’ GĦAWDEX

Skema €10×300 #2 

Għeżież Partitarji tas-Soċjetà Filarmonika La Stella,  

Bħalma tafu, ninsabu ftit xhur biss ’il bogħod mill-Festa prinċipali tal-gżira Għawdxija. Dan ifisser li dak li żrajna matul din is-sena, dalwaqt ser inkunu qed naħsdu l-frott tiegħu. Madankollu, xejn ma jista’ jkun possibbli mingħajr l-għajnuna finanzjarja tagħkom li qatt ma naqset.  

Kif ħabbarna bħal dan iż-żmien sena, l-Għaqda Żgħażagħ La Stella daħlet għall-proġett ferm ambizzjuż tal-Pedestall Monumentali ta’ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex, biex fis-snin li ġejjin din il-vara grandjuża jkollha pedestall li jixirqilha fi Pjazza Savina. B’wiċċna minn quddiem nistgħu ngħidu li parti sabiħa tal-ispiża relatata ma’ dan il-proġett diġà nġabret, kemm minn donazzjonijiet u kemm permezz tal-Iskema €10×300 illi nedejna proprju s-sena li għaddiet.  

Kif ninsabu biss xahrejn bogħod mill-Festa, qegħdin inħabbru li ser inkunu qed inniedu għat-tieni darba din l-iskema bl-għan illi jinġabru t-€3,000 illi jmiss, ħalli b’hekk tkun inġabret parti kbira oħra tal-ispiża. Fil-ġimgħat li ġejjin, membri mill-Għaqda tagħna ser ikunu Pjazza San Ġorġ biex jilqgħu d-donazzjonijiet tagħkom b’risq dan il-proġett. Tistgħu wkoll tgħaddu d-donazzjonijiet b’mod individwali lil Matthew Mifsud. Kull min iħossu parti mis-Soċjetà La Stella kif ukoll mill-Festa kollha bl-aspetti varji illi tħaddan, għandu jħossu fl-obbligu illi jagħmel il-parti tiegħu. Nifhmu li kulħadd għandu l-ispejjeż tiegħu u li f’dan iż-żmien ikun għaddej ħafna ġbir, imma l-Festa u t-tiżjin kollu illi jixirqilha ma jistgħux isiru mingħajr il-ġenerożità tagħkom ilkoll.  

Aħna ċerti illi bħalma kontu ġenerużi magħna fil-passat, ser terġgħu tkunu ġenerużi magħna issa, kif ukoll fil-futur. Dan kollu lilna ma jagħmilx ħlief jimliena bil-kuraġġ biex inkomplu nirsistu ħalli tabilħaqq inżommu l-Festa ta’ San Ġorġ fl-ogħla grad li jistħoqqilha, biex bħalma kienet fl-imgħoddi, hekk ukoll tkun u tibqa’ “l-festa l-aktar popolari tal-gżira”. 

Grazzi u Viva San Ġorġ, dak li jagħtina identità. 

TO PRINT v2