Join Us On:

News Archive

PAWLU MIZZI: INSELLMU LILL-ISTORIKU ĠORĠJAN LI ĦALLIENA

Għal dawk li għandhom għal qalbhom il-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna, il-mewt tar-riċerkatur storiku Pawlu Mizzi nhar it-Tnejn li għadda hi telfa mhux żgħira għal Malta u Għawdex. Imma fl-istess ħin, bil-wirt li ħallielna dan ‘Missier il-Ktieb Malti modern’, kif ġustament ġie msejjaħ, hu n-Nazzjon Malti kollu li qed jirbaħ.

Pawlu Mizzi, imwieled ir-Rabat ta’ Għawdex kważi disgħin sena ilu – ġurnalist u kittieb, għalliem u librar, riċerkatur tal-istorja u pubblikatur, imma fuq kollox missier ta’ familja u bniedem ta’ fidi profonda – jibqa’ mniżżel fl-istorja ta’ pajjiżna bħala dak li, kontra kull sfida u qtigħ il-qalb, fetaħ beraħ il-bibien tal-pubblikazzjoni għall-ktieb Malti. Bil-Klabb Kotba Maltin imwaqqaf fis-sebgħinijiet, kien katalista u protagonista ta’ kotba fi lsienna li maż-żmien saru teżori ta’ kontenut u preżentazzjoni. Ta’ dan, pajjiżna ma jistax ma jibqax iħossu midjun lejh għal dejjem, meta jqis li forsi kieku ma kienx is-‘Sur Pawl’, la għandna l-Miklem ta’ Serracino Inglott u lanqas id-Dizzjunarju ta’ Aquilina, u wisq inqas nafu b’isem awturi stabbiliti tal-Malti!

Imma mill-ħila u l-intuwizzjoni ta’ Pawlu Mizzi mhux biss gawdew l-ilsien u l-kultura Maltija, imma rebaħ ukoll Għawdex, art twelidu li baqgħet bħal dik il-ħuġġieġa tnemnem fil-qalb tiegħu. F’dik id-dar għad-dell tal-maqdes ewlieni fil-kapitali l-qadima ta’ Malta baqgħet tħabbat il-qalb Għawdxija… issoktat titkebbes ruħ Ġorġjana… ma heda qatt ivenven id-demm tal-Istilla.

Pawlu Mizzi – il-Malti b’qalb Għawdxija u ruħ Ġorġjana – irnexxielu jaqbeż il-ħitan partiġjani u l-istorja purament kronoloġika, biex flimkien ma’ studjużi bħal Ġanni Bezzina, il-Kanonku Nikol Vella Apap, Monsinjur Karm Grech u n-nutar Paul George Pisani, fost oħrajn, kebbes il-ġamar ta’ rinaxximent qawwi fl-għarfien tal-istorja tal-“Parroċċa ta’ Għawdex” – San Ġorġ, il-qaddis u l-komunità parrokkjali li hu baqa’ jgħożż fil-qalb ta’ qalbu. Fl-1997 tana t-‘teżi’ tiegħu b’dan l-istess isem, li, lil hemm mill-kritika li saritilha, tibqa’ tabilħaqq “studju soċjo-kulturali ta’ epoka” li ma sarx ieħor bħalu u li xeħet dawl importanti wkoll fuq il-kuntest soċjali li fih twieldu ż-żewġ soċjetajiet mużikali ta’ beltna. Fl-aħħar snin, grazzi għall-ħidma tal-Mużew Il-Ħaġar, li f’ismu tnebbaħ minn Mizzi, rajna mill-pinna tiegħu wkoll ktejjeb-gwida eleganti dwar il-Bażilika ta’ San Ġorġ, ħolma oħra tiegħu. Għal snin twal, ikkontribwixxa wkoll b’artikli ta’ stoffa fil-pubblikazzjoni annwali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella għall-Festa ta’ San Ġorġ.

Fil-funeral li sar il-Ħamis li għadda fil-Katidral tal-Imdina, il-Parroċċa ta’ San Ġorġ u s-Soċjetà La Stella kienu rrappreżentati minn għadd ta’ Ġorġjani li tawh ir-rispett dovut, imma fuq kollox mill-W.R. Mons. Ġużeppi Farrugia, eks Arċipriet u Direttur spiritwali tas-Soċjetà, li mexxa l-quddiesa u fl-omelija fisser kif Pawlu Mizzi, bniedem għaref u kult, irnexxielu jneħħi l-blatiet tal-injoranza kulturali li kienu qed jimbarraw lill-poplu tagħna. Meta ddefenda l-istorja għanja tal-parroċċa Ġorġjana, nemmnu li Pawlu Mizzi kien qed iħott waħda minn dawn il-blatiet u fetaħ triq għal riċerkaturi oħra warajh.

Il-fjamma ta’ ħajjet Pawlu Mizzi bdiet tnin ftit ftit fl-aħħar erba’ snin, imma l-legat li qed iħalli, mhux biss lil Malta u lil Għawdex, imma wkoll lill-Parroċċa Ġorġjana u l-Partit tal-Istilla li minnu baqa’ jħossu parti sa mewtu, hu imprezzabbli. Waqt li nitolbu għal ruħu u nagħtu l-kondoljanzi lil martu u t-tliet uliedu, nagħmlulu tassew ġieħ jekk napprezzawh.

Pawlu Mizzi