ĠORĠI TAGĦNA FIT-TEATRU ASTRA
Il-bieraħ it-Teatru Astra kien ċentru ta’ kultura, arti u tagħlim ispirat minn San Ġorġ, meta fuq inizjattiva tal-Għaqda tal-Armar b’kollaborazzjoni tal-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika La Stella ttellgħet serata grandjuża dwar San Ġorġ li ngħatat l-isem ta’ Ġorġi Tagħna. Kull min kien preżenti gawda tiżwiq ta’ żfin, mużika, drama u tagħlim fuq il-Patrun u Protettur t’Għawdex San Ġorġ Martri.
L-attendenza kienet tajba ħafna u dan naturalment kien ta’ inkoraġġiment kemm għall-organizzaturi kif ukoll għal dawk it-tfal, żgħażagħ u dawk ftit akbar fl-eta’ li b’dedikazzjoni kbira kien ilhom żmien twil iħejju għal din is-serata. Kien appuntu wara s-suċċess tas-sena l-oħra bil-musical "Għaliex Jien?" li nibtet l-idea li nkomplu noħolqu xi ħaġa nteressanti bil-ħila tagħna u ta’ dawk ta’madwarna, biex b’hekk barra milli nitgħallmu fuq San Ġorġ inkunu wkoll qed noffru spettaklu u opportunita’ liż-żgħażagħ u t-tfal tagħna biex juru t-talenti tagħhom artistiċi.
Is-serata kienet tinkludi dramm dwar San Ġorġ, miktub mill-mibki Mons Salvu Borg, Ariċipriet Emeritu, koreografija fuq numru ta’ innijiet u għanjiet Ġorġjani, sehem distint tal-Banda Ċittadina La Stella u feature awdjo viżiv. Il-qofol tas-serata ntlaħaq meta fl-aħħar ħareġ fuq il-palk San Ġorġ Żagħżugħ, xogħol tal-artist Austin Camilleri, statwa li tirrapreżenta ż-żgħażagħ tagħna li huma mħeġġa jimxu fuq il-passi ta’ San Ġorġ. Id-direzzjoni artistika tal-attività kienet f’idejn Antonella Zammit. L-entużjażmu fis-sala tat-Teatru Astra kien naturali meta beda jindaqq l-innu popolari u uniku Lill-Kbir Martri San Ġorġ jew kif kulħadd jafu l-innu ewlieni "Ġorġi Tagħna." Dan jawgura tajjeb għall-bidu tal-festa liturġika li tilħaq il-quċċata tagħha nhar it-Tnejn 23 ta’ April 2012.
Fil-ġranet li ġejjin dan is-sit ser jibqa’ jżommkom aġġornati dwar l-impenji u l-attivitajiet kollha li ser isiru fil-Belt Victoria b’ rabta mal-festa liturgika ta’ San Ġorġ Martri, il-patrun tal-Gżira u tad-Djoċesi.
(Ritratti: Jonathan Abela – Facebook)
Aktar ritratti jittellgħu fil-jiem li ġejjin.