Join Us On:

News Archive

‘ON THIS NIGHT OF A THOUSAND STARS’

Kull bidu għandu t-tmiem, u l-bieraħ kien imiss lill-musical Evita hekk kif spiċċat it-tielet u l-aħħar rappreżentazzjoni.  Dan il-musical kien impenn mill-aktar diffiċli imma għal darba oħra ħareġ biċ-ċar li t-Teatru Astra mhux lest li jilħaq kompromessi fejn tidħol il-kwalità u l-livell għoli li aħna mdorrijin bih.  Wara s-suċċess tas-sena l-oħra bi Grease, din is-sena dħalna għal sfida akbar li llum nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem kienet suċċess fenomenali. Nibdew biss biex ngħidu li kellna attendenza rekord bi tliet rappreżentazzjonijiet fejn fis-sala ma kienx hemm fejn taqa’ labra.  Imma fuq kollox l-aktar li nieħdu pjaċir huwa bl-apprezzament ta’ kull min attenda, Għawdxin, Maltin u barranin.

Din l-esperjenza għandha tagħmel kuraġġ biex fil-futur inkomplu nidħlu għal sfidi ta’ din ix-xorta.  Mogħnija b’esperjenza miksuba fil-qasam tal-opra lirika, nistgħu ngħidu li ħloqna niċċa kulturali u artistika oħra, li minnha qed tiggwadanja mhux biss il-kultura tal-gżira imma qed tiġġenera attività ekonomika ġewwa Għawdex.  Ċertifikat ieħor mistħoqq huwa li t-Teatru Astra għal darba oħra fetaħ beraħ daru biex kull min xtaq jingħaqad mat-tim tiegħu jista’ jagħmel dan f’liema sezzjoni irid jew bħala performer jew bħala parti mill-grupp tal-produzzjoni.  Wara xhur ta’ preparamenti u rehearsals dawk li ħadu sehem saru kollha familja waħda, magħquda permezz tal-mużika, żfin, reċtar, bini ta’ sett, dwal, kostumi u f’oqsma oħra relatati.

Huwa riskju kbir li tipprova tirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex ħolqu dawn it-tlett ijiem spettakolari għax faċli ħafna tħalli lil xi ħadd barra, imma rridu nsemmu xi wħud mill-protagonisti ewlenin fosthom is-Surmast Sigmund Mifsud li mexxa l-orkestra, lil Chris Gatt u Jean Marc Cafa’ għad-direzzjoni artistika, Mariella Spiteri Cefai li ħejjiet il-korijiet, Christabel Bajada għall-koreografija, u dawk li ħadmu x-xenografija, il-kostumi sbieħ li kellna, il-props, dawk li ħadu ħsieb is-sound, dwal, il-pubbliċità tal-musical u l-bookings office.  Prosit imur ukoll lill-performers prinċipali, Cathy Lawlor, Joseph Zammit, Edward Mercieca, Fabian Galea, Remy Azzopardi, Denise Mercieca u Laura Buhagiar u l-bqija tal-membri tal-kor, inkluż il-kor tat-Teatru Astra tat-tfal Piccole Stelle.  Din il-produzzjoni saret bis-sapport tal-Għaqda Armar San Ġorġ Martri u Studio 18 u diversi sponsors li għenu biex dan ikun kollu possibbli.

Ċertament se jibqgħu jidwu f’widnejna ħafna mill-biċċiet tal-mużika li smajna fosthom il-famuża Don’t cry for me Argentina, High Flying Adored, And the money kept rolling in, On this night of a thousand stars u ħafna oħrajn. Kienu tassew tliet iljieli importanti għat-Teatru Astra u l-istorja tiegħu, tliet iljieli fejn rebaħ it-talent artistiku u kulturali li hawn f’Għawdex u Malta, tliet iljieli … “of a thousand stars”.

(Photos by Joe Attard)