‘NORMA, AH ! NORMA, ANCORA AMATA …’
"Norma, ah ! Norma, ancora amata, Madre ancora sarai per me." Hekk tgħid Adalgisa lil Norma fit-tielet xena tat-tieni att. U l-udjenza hekk ħassitha l-bieraħ filgħaxija meta spiċċat it-tieni rappreżentazzjoni tal-opra lirika Norma ta’ Vincenzo Bellini, fost l-applaws kontinwu ta’ dawk li kellhom ix-xorti jkunu fit-Teatru Astra. KIenet opra ta’spettaklu kbir, ta’ klassi f’kull aspett, inkluż id-dettal. Bħala opra n-Norma hija pjuttost diffiċli u appuntu għalhekk il-frott ta’ tant xogħol minn dawk kollha nvoluti ġie apprezzat ferm.
L-atomosfera fuq il-palk kienet waħda meraviljuża, frott tad-dawl u xenarju mill-aqwa. L-element modern u innovattiv fl-opra, karatteristika tat-Teatru Astra, żżewweġ tajjeb ferm mal-aspett tradizzjonali tal-opra. Is-solisti minn naħħa l-oħra kienu eċċellenti, li flimkien mal-kor u l-orkestra paxxew l-udjenza bin-noti sbieħ tan-Norma. Il-kostumi kienu wkoll ta’ livell tajjeb speċjalment tal-protagonisti.
Prosit tassew lil kulħadd, inkluż il-kumitat organizzativ, dawk li għenu finanzjarjament, il-fotografi, dawk kollha li kienu back stage, booking officers, dawk li kellhom x’jaqsmu mal-librett, u naturalment, is-solisti, atturi, tal-kor u d-diretturi, dak artistiku u dak mużikali. Din kienet serata oħra memorabbli għat-Teatru Astra għax għal darba oħra kien kapaċi jorganizza opra ta’ livell għoli li se tiżdied mal-kullana ta’ suċċessi tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.
(Ritratti: Joe Attard)