NOQORBU AKTAR LEJN IL-MILIED
Din il-ġimgħa hija l-aktar importanti fi żmien l-avvent għaliex bejn il-lejl tas-Sibt 24 u l-Ħadd 25 ta’ Diċembru niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu. Il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru huwa id-disa’ u l-aħħar jum tan-Novena fejn fis-6.00 pm wara l-quddiesa se jkun hemm dramm ċkejken Ngħaqqdu l-Ikona tan-Natività fost kant ta’ innijiet tal-Milied, u wara party għat-tfal kollha tal-parroċċa fiċ-ċentru parrokkjali.
Naturalment is-Sibt ikollna l-Vġili Solenni tat-Twelid ta’Sidna Ġesu Kristu fejn f’12.00 am issir konċelebrazzjoni ppreseduta mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona. Il-Ħadd imbagħad fil-quddiesa tal-11.00 am ikollna l-konċelebrazzjoni pontifikali ppreseduta mill-E.T. Mons. Mario Grech Isqof t’Għawdex u Dekan tal-kolleġġjata.
Is-Soċjetà tagħna kienet impenjata wkoll dawn il-ġranet fejn it-Teatru Astra fetaħ il-bibien tiegħu għal xi attivitajiet organizzati minn skejjel f’Għawdex. Minn din il-paġna nixtiequ nwasslu l-awgurju tagħna lilkom viżitaturi ta’ dan is-sit, għall-Milied ħieni mimli paċi u risq.