Join Us On:

News Archive

NIFIRĦU LIS-SURMAST JOSEPH VELLA

F’għeluq ir-raba’ anniversarju mill-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II, il-Konservatorju Vincenzo Bellini ta’ Palermo organizza avveniment biex jitfakkar dan il-Papa tant maħbub. Ħames kompożituri minn pajjiżi differenti ġew ikkummisjunati biex jikkomponu silta mużikali ispirata minn episodji varji mill-ħajja ta’ dan il-Papa. Fost dawn il-kompożituri kien hemm ukoll is-surmast direttur tal-banda tagħna, u maestro di cappella tal-bażilika ta’ San Ġorġ, il-Prof. Joseph Vella. Is-surmast Vella ġie kkummisjonat biex jikkomponi silta mużikali ispirata mill-aħħar mumenti tal-ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II.
 
L-isem magħżul minn Mro Vella għal dan ix-xogħol ta’ madwar disgħin minuta huwa: Music for a White Dove. Dan ix-xogħol mill-aqwa ndaqq għall-ewwel darba fit-2 ta’ April fil-katidral ta’ Palermo. Indaqq ukoll l-għada, fil-katidral ta’ Monreale. Iż-żewġ kunċerti li fihom ħadet sehem orkestra bi 80 element u kor ta’ mitt ruħ, ġew trażmessi fuq diversi stazzjonijiet Sqallin, fosthom Rai 3 Regione.
 
F’dawn l-aħħar ġimgħat Mro Vella kien impenjat f’numru ta’ pajjiżi oħra Ewropej fosthom f’Berne l-Isvizzera fejn sar il-premier tax-xogħol riċenti tiegħu Kant ta Mara, bil-parteċipazzjoni tas-sopran Miriam Cauchi, fl-24 ta’ Marzu. Il-kompożizzjonjiet ġodda tiegħu li jinkludu Concerto for Piccolo, Strings and Timpani u xogħol ieħor għal kurunetta u marimba ser jindaqqu għall-ewwel darba f’sensiela ta’ Chamber Music Concerts fl-awditorju tal-Opera de Bastille f’Pariġi u f’Damasku.
 
Intant l-organizzazzjoni Ġermaniża Interkultur (organizzazzjoni dinjija responsabbli minn festivals għal korijiet)  ħatru lil Mro Vella bħala wieħed mill-kontributuri regolari tagħhom. Fost ix-xogħlijiet ikkummissjonati mis-surmast Vella hemm: Ode to Pearl Grotto (SSAA) u Carmen2 by Catullus (SATB). Dawn ser jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin. L-ewwel kompożizzjoni diġa ġie premiered fil-konservatorju ta’ Shangai fiċ-Ċina.
 
Minn din il-paġna, nixtiequ minn qalbna nifirħu lill-Prof. Joseph Vella, surmast direttur tas-Soċjetà Filarmonika La Stella għal dawn l-aħħar 39 sena, għas-suċċess kbir li qed jikseb barra minn pajjiżna. Awguri Surmast!