NIFIRĦU LIL MONS. JIMMY XERRI
Is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella tixtieq tingħaqad mal-komunita’ kollha tal-parroċċa ta’ San Ġorġ biex tifraħ lil wieħed minn uliedha: Mons Jimmy Xerri, li għadu kif ġie appuntat mill-Isqof Mario Grech bħala l-arċipriet il-ġdid tal-parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur.
Mons Jimmy Xerri twieled nhar it-30 ta’ Awissu 1957 fi New South Wales, l-Awstralja, minn Frank u Ġeswalda neè Vella. Ġie mgħammed nhar il-15 ta’ Settembru 1957 fil-parroċċa tal-Verġni Marija tal-Karmelu, immexxija mill-patrijiet Karmelitani f’Wenworthville, bl-isem ta’ James George. Beda l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola tas-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù , u meta l-familja tiegħu irritornat f’Għawdex, kompla l-edukazzjoni fl-iskola Sir Arturo Mercieca u mbagħad fl-iskola Ninu Cremona fuq livell sekondarju.
Fl-1974 beda l-kors tiegħu fis-Seminarju ta’ Għawdex li kellu jwasslu biex jiġi ordnat saċerdot. Is-sena intermedjarja għamilha f’Melbourne, l-Awstralja, fil-parroċċa ta’ St Bernardette, f’North Sunshine. Huwa rċieva l-ordinazzjoni presbiterali nhar is-Sibt 27 ta’ Ġunju 1981, minn idejn l-E.T. Mons Nikol Ġ. Cauchi. Iċċelebra l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-bażilika ta’ San Ġorġ, fil-belt Victoria.
Wara l-ordinazzjoni, Dun Jimmy mar Ruma u hemm ħa l-kors tal-filosofija. Lura f’Għawdex hu għadda erba’ snin bħala direttur tal-Istitut San Ġużepp, f’Għajnsielem. F’dak iż-żmien kien ukoll lecturer tal-Istorja tal-Filosofija fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù. Għal madwar tmien snin kien ukoll segretarju tal-Isqof Nikol Ġ. Cauchi u ħadem ukoll bħala segretarju fl-iskola tas-Seminarju Minuri.
Għal snin twal Dun Jimmy wettaq ukoll ħidma pastorali fiż-żona tar-Ragħaj it-Tajjeb, f’Taċ-Ċawla. Hawn hu kien magħruf għall-omeliji tiegħu u għall-qalb kbira li kellu għal kulħadd u kien maħbub ħafna mit-tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani. Mhux biss kien jorganizza l-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika, imma wkoll spiss kien itella’ drammi u attivitajiet ta’ kull xorta flimkien maż-żgħażagħ.
Kien minn hawn li ħass is-sejħa li jħalli pajjiżu u telaq lejn il-Brażil biex iwettaq ħidma missjunarja f’dan il-pajjiż. Għadda żmien f’parroċċa f’Maceiò u għal xi snin okkupa l-kariga ta’ Rettur fis-Seminarju tal-istess belt. Dan l-aħħar kien kappillan ta’ San Sebastjan, f’Messias, fl-istat ta’ Alogoas, Brażil.
B’hekk issa huma tlieta s-saċerdoti mill-parroċċa ta’ San Ġorġ, li qed imexxu parroċċi f’Għawdex. Flimkien ma’ Mons Jimmy Xerri li ser jibda l-ħidma tiegħu bħala r-ragħaj spiritwali l-ġdid tal-parroċċa tan-Nadur, insibu wkoll lill-Kan. Joe Zammit, arċipriet tal-parroċċa ta’ San Ġużepp fil-Qala u lill-Kan. Tonio Galea, kappillan tal-parroċċa ta’ San Pawl fil-Munxar.