Join Us On:

News Archive

NIFIRĦU LIL DUN SIMON

Il-bieraħ, is-Sibt 28 ta’ Mejju, ġewwa l-knisja katidrali, l-E.T. Mons. Isqof Mario Grech ħatar seba’ saċerdoti ġodda. Dan il-jum huwa jum għażiż ħafna għad-djoċesi ta’ Għawdex li rat lil seba’ żgħażagħ jagħżlu t-triq tas-saċerdozju. Jum mill-aktar għażiż huwa wkoll għall-parroċċa tagħna u għal beltna. Dan għaliex fost dawn is-seba’ żgħażagħ, insibu wieħed minn ulied il-parroċċa Ġorġjana: Simon M. Cachia.

Dun Simon daħal is-seminarju maġġuri ta’ Għawdex f’Settembru 2003. Fis-sena 2006 huwa għamel esperjenza pastorali fil-parroċċa ta’ San Injazju f’Ruma, u wara li temm l-istudji tiegħu fis-Seminarju t’Għawdex, mill-ġdid reġa’ mar Ruma fejn fl-istess parroċċa ħadem bħala djaknu u kompla bl-istudji fl-Universita’ Salesjana.

Flimkien ma’ Dun Simon ġew odnati wkoll ħames saċerdoti u patri franġiskan: Krystof Buttigieg (Qala), Samuel Grech (Għajnsielem), John Meilak (Katidral), Trevor Sultana (Xewkija), Franklin Vella (Xewkija), u Stephen Magro OFM minn Malta li qed jgħix fil-kunvent Franġiskan f’Għajnsielem. Samuel Grech, għalkemm uffiċjalment huwa minn Għajnsielem, għandu rabtiet speċjali mal-parroċċa tagħna minħabba l-fatt li l-familjari tiegħu huma parruċċani Ġorġjani. Matul dawn l-aħħar sentejn huwa ħadem fil-parroċċa tagħna kemm bħala seminarista u anke fir-rwol ta’ djaknu. 

Dun Simon ser jiċċelebra l-quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-parroċċa tagħna nhar il-Ħadd 10 Lulju, ġimgħa eżatt qabel niċċelebraw il-festa tal-patrun tagħna San Ġorġ Martri. Is-Soċjeta’ La Stella tixtieq tingħaqad mal-komunita’ kollha Ġorġjana biex tifraħ lil dawn is-saċerdoti l-ġodda u b’mod partikolari lil wieħed minn uliedha Dun Simon M. Cachia u mal-familjari tiegħu, f’dan il-jum tant għażiż.