Join Us On:

News Archive

NIFIRĦU LIL DUN FABIO ATTARD

Is-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ tixtieq tingħaqad mal-komunità parrokkjali Ġorġjana biex tifraħ lis-saċerdot Dun Fabio Attard, mill-parroċċa tagħna għall-ħatra tiegħu bħala konsulent għall-pastorali taż-żgħażagħ tas-Sależjani. Din hija kariga fl-ogħla organu tal-Moviment Sależjan fid-dinja jew il-Kapitlu Ġenerali. Dun Fabio ser ikun is-suċċessur ta’ Dun Antonio Domenech, li ħalla din il-kariga wara marda kiefra li ħakmitu. Is-saċerdot Rabti aċċetta b’entużjażmu din il-kariga ġdida wara li ġie elett mal-ewwel mill-membri ta’ l-Assemblea Sależjana f’votazzjoni li saret nhar il-Ħamis 27 ta’ Marzu 2008 wara nofsinhar. Din l-aħbar ngħatat mir-rettur ġenerali tas-Sależjani Dun Pascual Chavez Villanueva.

Dun Fabio Attard li huwa wkoll direttur ta’ l-Istitut tal-formazzjoni pastorali tal-Kurja ta’ Malta ġie ordnat saċerdot fl-4 ta’ Lulju 1987 fejn qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu ġewwa l-bażilika ta’ San Ġorġ f’beltna. F’Settembru 1980 hu ħa l-professjoni bħala Sależjan ġewwa Dublin fl-Irlanda. Huwa gradwat ukoll fit-Teoloġija Morali mill-Università Alfonsianum ta’ Ruma.

Dun Fabio huwa iben il-mibki Ġorġ Attard, President tas-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ bejn l-1983 u l-1987.

Mill-ġdid nawguraw kull suċċess lil Dun Fabio fil-ħidma ġdida tiegħu bħala konsulent għall-pastorali taż-żgħażagħ tas-Sależjani.