Join Us On:

News Archive

NIFIRĦU F’SAN MIKIEL

Illum, 29 ta’ Settembru, il-parroċċa bażilika ta’ San Ġorġ, bħal kull sena, tagħmel il-festa parrokkjali ta’ San Mikiel Arkanġlu. U jekk hemm stendard li s-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-banda dekana tagħha jġorru mkabbra, żgur hu dak tal-lewn ħadrani bl-għajn ta’ Alla f’nofsu, imdawwar bi triangolu u l-ittri inizjali tal-vers Latin Quis ut Deus! assoċjat ma’ isem San Mikiel: “Min hu bħal Alla!”.
 
Il-festa ta’ San Mikiel għandha sinifikat partikulari ħafna għalina l-Ġorġjani Ta’ l-Istilla, sewwa għax id-devozzjoni lejn dan l-arkanġlu qawwi hi miżrugħa fil-qalb tal-patrimonju parrokkjali tagħna, u sewwa għax San Mikiel hu simbolu ta’ dak li lilna dejjem għamilna qawwija u rebbieħa, minkejja l-umiljazzjonijiet li ma naqsux isaħħbu s-sema kaħlan ta’ ġrajjietna. San Mikiel Arkanġlu hu simbolu tal-istorja tagħna u ta’ tama li ma qarrqitx bina. Nifirħu bih bħala wieħed minn ta’ ġewwa, għax il-qagħda tiegħu rebbieħa fuq ix-Xitan qarrieq bilfors tħeġġiġna fil-kuraġġ li bih hu jimliena kontra kull sfida li taħsel tbeżżagħna. Minn dawn kellna bosta fl-imgħoddi u jibqa’ jkollna fil-ġejjieni. U għalhekk hu għadu fuq in-naħa tagħna!
 
Kull sena l-bażilika Ġorġjana tissokta tisbieħ f’dawn il-jiem bil-preżenza, taħt waħda min-navi tagħha, tal-istatwa artistika ta’ Xandru Farrugia maħduma fl-1838, oriġinarjament għall-parroċċa ta’ Ħal Qormi, li tirrappreżenta lill-qaddis arkanġlu, liebes l-armatura dehbija, bit-tarka u l-ilsien tan-nar f’idejh, jgħaffeġ taħt saqajh lid-Dimonju ddisprat. Sal-1954 dan il-kapolavur tal-injam kien jinħareġ f’purċissjoni mat-toroq tar-Rabat, li kienet toħroġ mill-knisja protoparrokkjali ta’ San Ġorġ u fiha tidħol lura, hemm fejn il-kult ta’ dan il-qaddis sa mill-qedem kien miżmum b’għożża liema bħalha. Dik l-aħħar sena tal-purċissjoni ta’ San Mikiel kienet il-preludju l-aktar imminenti għal tmiem is-snin twal ta’ jasar li fihom San Ġorġ, l-ewwel parroċċa tal-gżira, kien suġġett għall-unjoni mal-kolleġġjata tal-Kastell, mitmuma fl-1955. Għalhekk San Mikiel, donnu bi providenza smewwija, kellu jkun li jkompli jwettaq lill-parroċċa ta’ San Ġorġ fil-kisba tal-ħelsien minn dan l-irbit inġust, biex isir ħaqq veru mal-parrokkjalità qatt mittiefsa tagħha. Hawn li nfetħet triq ċerta lejn il-ġustizzja li l-parroċċa ta’ Għawdex kienet tant mixtieqa minnha. San Ġorġ, dejjem kbir f’ismu, issa seta’ jogħla iżjed mingħajr it-theddid ta’ min seta’ jxekklu.
 
M’hux ta’ b’xejn, għalhekk, li lil San Mikiel niċċelebrawh kull sena bħala simbolu ta’ dan kollu, tal-ġustizzja li Alla b’qawwietu jagħmel ma’ wliedu, sakemm jeqred għal kollox l-għadu infernali li moħħu biss kif se jqarraq. Għalhekk San Mikiel għalina hu verament festa, u miegħu u ma’ San Ġorġ – it-tnejn spiss flimkien fl-ikonografija popolari – inxejru hienja u bla mistħija l-għelm tar-rebħa.