Join Us On:

News Archive

NIFIRĦU MAL-E.T. MONSINJUR ALFRED XUEREB

Illum, 19 ta’ Marzu 2018 huwa jum importanti għall-E.T. Mons. Alfred Xuereb u għall-Belt Victoria u l-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, fejn ser jirċievi l-konsagrazzjoni episkopali minn idejn il-Q.T. il-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan. Mons. Xuereb inħatar  Nunzju Appostoliku fir-Repubblika tal-Korea u l-Mongolja, u fl-istess waqt Papa Franġisku għollieh għad-dinjità ta’ Arċisqof titulari ta’ Amantea, l-Italja. 

Is-Soċjeta Filarmonika La Stella tixtieq tifraħ lill-E.T. Mons. Xuereb u l-familjari tiegħu għal din il-missjoni hekk importanti li fdalu f’idejh Papa Franġisku.  Irridu nfakkru li Mons. Xuereb ħadem fil-qrib mal-aħħar Papiet u okkupa karigi għoljin fil-Vatikan.  Huwa dejjem għamel unur lill-parroċċa tagħna, minn fejn ħareġ, lill-Belt Victoria, lil Għawdex kif ukoll lil Malta.  Intant qed nirripproduċu l-programm taż-żjara ta’ Mons. Xuereb għall-jiem li ġejjin ġewwa Għawdex.

Awguri Eċċellenza !

29432726_1511473218961499_5863056716148506624_n

PROGRAMM TAŻ-ŻJARA F’GĦAWDEX TAL-E.T. MONS. ALFRED XUEREB, NUNZJU APPOSTOLIKU FIL-KOREA U L-MONGOLJA

It-Tnejn 26 ta’ Marzu fl-11.15am: Wasla fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u f’12.00pm, Konferenza Stampa miftuħa għall-membri tal-istampa u x-xandir.

Il-Ħamis 29 ta’ Marzu fid-9.00am: Jippresiedi l-Quddiesa taż-Żjut flimkien mal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, u s-saċerdoti tad-Djoċesi ta’ Għawdex, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

Il-Ħamis 29 ta’ Marzu fis-6.30pm: Jippresiedi l-Quddiesa In Cœna Domini bir-Rit tal-Ħasil tar-Riġlejn, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria, il-parroċċa tal-oriġni tiegħu.

Is-Sibt 31 ta’ Marzu fit-8.30pm: Jippresiedi l-Liturġija Solenni tal-Lejl Qaddis tal-Għid tal-Qawmien tal-Mulej, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ.

Il-Ħadd 1 ta’ April: Jamministra s-Sagrament tal-Magħmudija waqt quddiesa privata fil-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja, tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini, il-Belt Victoria.

L-Erbgħa 4 ta’ April: Imexxi quddiesa fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fis-sala ta’ pazjent li kien miegħu fl-istess klassi.

Il-Ġimgħa 6 ta’ April fis-7.00pm: Imexxi quddiesa fis-Santwarju parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana, fl-okkażjoni tal-ewwel Ġimgħa bi tħejjija għas-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù.

Is-Sibt 7 ta’ April filgħaxija: Jiċċelebra quddiesa fil-Knisja arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem, b’suffraġju tan-nanniet u z-zijiet mejtin.

Il-Ħadd 8 ta’ April fil-11.15am: Jippresiedi Pontifikal solenni fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, bis-sehem tal-E.T. Mons. Mario Grech, tal-E.T. Mons. George Bugeja OFM, Vigarju Appostoliku ta’ Tripli u Amministratur Appostoliku ta’ Benghazi, u tal-kleru Għawdxi, li jkun trasmess dirett fuq l-istazzjon televiżiv Net Tv.

It-Tnejn 9 ta’ April: Tluq minn Malta.

(Skont il-ħtieġa, jista’ jkun hemm tibdiliet f’dan il-programm.)