Join Us On:

News Archive

NIĊĊELEBRAW IL-FESTA TAL-PATRUN TAL-GĦAWDXIN

Ninsabu lejliet is-solennita’ liturġika tal-Kbir Martri San Ġorġ, patrun u protettur tal-Għawdxin. Il-bieraħ fil-bażilika urbana ġie fi tmiemu t-tridu solenni f’ġieh San Ġorġ Martri, b’quddiesa kantata u priedka mill-arċipriet emeritu, Mons. Ġużeppi Farrugia. Illejla, il-vġili solenni ta’ San Ġorġ, fis-6.30, ġewwa l-bażilika jkun hemm ċelebrazzjoni pontifikali tal-ewwel għasar immexxija mill-ET Mons. Mario Grech, isqof t’Għawdex u dekan tal-kolleġġjata Ġorġjana. Issegwi, Velja ta’ talb, qari u kant immexxija minn Mons. Isqof, bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru tal-bażilika, il-kor Laudate Pueri, u l-banda ċittadina La Stella li għall-okkażjoni ser tesegwixxi numru ta’ innijiet Ġorġjani. F’din l-okkażjoni, jekk dejjem it-temp jippermetti, ser tinħareġ l-istatwa ta’ San Ġorġ Martri (1838), l-ewwel statwa titulari f’Għawdex, fil-bieb tal-bażilika.

Għada, it-23 ta’ April, is-solennita’ ta’ San Ġorġ Megalomartri, fit-8.30am, ċelebrazzjoni solenni tat-tifħir ta’ sbiħ il-jum u t-talb ta’ nofs il-jum immexxija mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona, bis-sehem tal-kapitlu Ġorġjan. Fil-5.30pm, jiġi ċċelebrat it-tieni għasar, immexxi minn Mons. Ġużeppi Farrugia, arċipriet emeritu tal-bażilika. Fis-6.00, imbagħad, tibda konċelebrazzjoni pontifikali mmexxija minn Mons Isqof, bis-sehem tal-kapitlu u l-kleru tal-bażilika. Tiġi esegwita Missa Sanctae Ioannis Baptistae, u l-anitifona Beatus Georgius (pre-1890), mill-kor Laudate Pueri u l-orkestra taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, maestro di cappella.

Intant, is-Soċjeta’ Filarmonika La Stella ser tfakkar din is-solennita’, b’programm mużikali fil-pjazza, fi tmiem il-konċelebrazzjoni pontifikali. F’din l-okkażjoni l-banda, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, ser tesegwixxi s-siltiet mużikali: The Band at the Opera; Fanfare for the Common Man; Eighties Flashback; The Phantom of the Opera; u 1812 Overture. Il-programm jintemm bid-daqq tal-innu popolari Lill-Kbir Martri San Ġorġ, l-innu La Stella; l-innu Lil Għawdex u l-innu nazzjonali. Fi tmeim il-programm tibda dimostrazzjoni brijuża minn pjazza San Ġorġ sa triq ir-Repubblika bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel. Is-Soċjeta’ qed torganizza wkoll ikla tal-festa f’12.30pm, għall-partitarji fil-foyer tal-każin La Stella. 

Minn din il-paġna nixtiequ nawguraw il-festa t-tajba lill-Ġorġjani u r-Rabtin kollha. Aktar aġġornamenti ‘il quddiem.