Join Us On:

News Archive

NIDĦLU FIL-ĠIMGĦA TAL-FESTA

Hekk kif il-bieraħ ġiet fi tmiemha n-novena ta’ San Ġorġ, dħalna issa fl-aħħar ġimgħa tal-festa u mil-lejla stess nagħtu bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet esterni bit-tiġrijiet tradizzjonali taż-żwiemel fi triq ir-Repubblika. Illejla wkoll jiġi fi tmiemu t-tnax-il edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival organizzat mill-parroċċa ta’ San Ġorġ bil-kunċert grandjuż fil-bażilika bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali; il-kor tal-bażilika Laudate Pueri; il-vjolinċellista Daniel Veis u l-organista Scott Farrell, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella, maestro di cappella.
 
It-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem, avveniment kollu kemm hu organizzat mis-Soċjetà Filarmonika La Stella, illum kiseb isem kbir fost id-dilettanti ta’ dan l-isport. Fil-fatt minn dalgħodu stess bdew jaqsmu lejn gżiritna numru kbir ta’ Maltin, kif ukoll bosta parteċipanti li llejla ser jieħdu sehem f’il fuq minn tletin tiġrija. Triq ir-Repubblika ġiet armata b’numru ta’ screens għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li ser jattendu ħalli jkunu jistgħu jsegwu kull tiġrija mill-bidu sal-aħħar tagħha. It-tiġrijiet jibdew fis-sebgħa ta’ filgħaxija fi Triq ir-Repubblika. Fi tmiem l-avveniment jiġu mqassma t-trofej lir-rebbieħa mill-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono u mis-Sindku tal-belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi. Nitolbu lil dawk kollha li ser jattendu għal dan l-avveniment biex jimxu mad-direttivi li jingħataw mill-uffiċjali tal-pulizija u mill-amministrazzjoni tas-Soċjetà, biex kollox jimxi kif pjanat u mingħajr ebda inċident.
 
Intant għada, nibdew ukoll bil-marċi brijużi u anke bl-ewwel dimostrazzjoni. Fil-fatt ser tkun il-banda La Stella li tibda b’marċ brijuż minn quddiem il-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb sa Pjazza San Ġorġ fejn imbagħad nassistu għall-ħruġ min-niċċa tal-istatwa titulari fost il-kant ta’ innijiet Ġorġjani mill-mijiet li joħonqu kull rokna tal-bażilika. Filgħaxija mbagħad nagħtu bidu għall-ewwel minn erba’ dimostrazzjonijiet. Fl-ewwel dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ (1991) xogħol Austin Camilleri, tieħu sehem il-banda Ite ad Joseph tal-Qala.
 
Bħalissa għaddej ukoll il-bejgħ tas-CDs tal-marċi brijużi maħruġ mill-banda ċittadina La Stella li jistgħu jinkisbu mill-każin La Stella għall-prezz ta’ € 12; Minn għada jibdew jinbiegħu wkoll il-flokkijiet tal-festa li jistgħu jinkisbu mill-istess każin u anke minn pjazza San Ġorġ u waqt il-marċijiet għall-prezz ta’ € 25. Il-pubblikazzjoni ewlenija tal-festa maħruġa mis-Soċjetà Filarmonika La Stella ser toħroġ għada wkoll. Wieħed jista’ jakkwista kopja mill-każin, kif ukoll mingħand membri tal-bord editorjali. Aktar informazzjoni fuq il-pubblikazzjoni: Festi San Ġorġ 2009 – Ħarġa Nru 35, fil-jiem li ġejjin.