Join Us On:

News Archive

MUŻIKA MILL-FILMS TINGĦATA L-ĦAJJA FIT-TEATRU ASTRA

Mużika magħrufa u popolari minn diversi films se tingħata l-ħajja waqt il-kunċert ‘Soundtracks Alive: music from the movies!’ li se jsir fit-Teatru Astra nhar is-Sibt li ġej 12 ta’ Frar. Il-kunċert, li d-dħul għalih hu b’xejn, jinvolvi l-parti l-kbira tal-banda La Stella, għall-ewwel darba taħt id-direzzjoni ta’ George Apap, klarinettist u surmast tal-alljievi tal-istess banda.
 
Il-kompożizzjonijiet popolari bħal dawk ta’ Spirit: Stallion of the Cimarron, Beauty and the Beast u The Lion King għall-mużika ta’ Ennio Morricone minn The Mission, il-mużika ta’ John Williams minn Schindler’s List, dik ta’ James Horner minn Titanic u The Mask of Zorro kif ukoll il-mużika ċelebri ta’ Nino Rota għall-film The Godfather se tindaqq fi programm varjat li jinkludi wkoll il-mużika ta’ Henry Mancini mill-film Hatari, dik ta’ Trevor Jones minn Last of the Mohicans u l-mużika tant magħrufa ta’ Miklos Rozsa fil-film Ben-Hur.
 
Il-programm jinkludi wkoll għażla mill-mużika ta’ Hans Zimmer, miktuba għall-film The Da Vinci Code, nominata għall-Golden Globe Awards tal-2007 għall-aħjar kompożizzjoni għall-films. Din se tkun l-ewwel darba li banda lokali tesegwixxi din il-mużika partikolari.
 
Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti għal dan il-kunċert, kemm min-naħa mużikali kif ukoll mill-membri ta’ Centre Stage Dance Academy, b’korjografija taż-żagħżugħa Natalie Sciortino, li se jaghtu interpretazzjoni kemmxejn differenti għal uħud mis-selezzjonijiet esegwiti.
 
Il-kunċert, li hu mistenni li jintlaqa’ tajjeb minn dawk li jħobbu l-mużika tal-films u ċ-ċinema b’mod ġenerali, jibda fis-7.30pm.

Links:
GozoNews.com
MaltaRightNow.com
timesofmalta.com
independent.com.mt
stgeorge.org.mt
myMaltainfo.com