Join Us On:

News Archive

MORENA FIT-TEATRU ASTRA NHAR IS-SIBT 22 TA’ MARZU

Flimkien mal-grupp komiku ZOO, nhar is-Sibt 22 ta’ Marzu, it-Teatru Astra ser jilqa’ lill-kantanta Għawdxija Morena, ir-rebbieħa tal-festival tal-kanzunetta Maltija għall-Ewropa ta’ din is-sena. Morena, friska mir-rebħ ta’ dan il-festival prestiġjuż għal pajjiżna, aċċettat l-istedina min-naħa tas-Soċjetà Filarmonika La Stella li tieħu sehem fl-ispettaklu li ser ikun jiġi mtella’ mill-grupp ZOO u tkanta numru ta’ kanzunetti fosthom il-kanzunetta “Casanova” u l-kanzunetta rebbieħa “Vodka”.

Kif ġejtu infurmati ftit tal-jiem ilu, nhar is-Sibt li ġej il-grupp teatrali Zoo ser itella’ spettaklu ieħor ferm divertenti din id-darba bl-isem ta’ “Zoo Goes Neighbours”. Għal grupp Zoo din mhux ser tkun l-ewwel dehra tagħhom f’dan it-teatru – dan ser ikun is-seba’ spettaklu mtella’ minn dan il-grupp komiku fit-teatru Astra. Min-naħa l-oħra għal Morena, din ser tkun l-ewwel darba li ser tkanta fit-teatru tagħna. Fil-fatt, it-teatru Astra ser ikun l-ewwel teatru li jilqa’ lil din il-kantanta wara r-rebħa stupenda tagħha tal-“Maltasong”. Il-kanzunetta rebbieħa “Vodka” f’Jannar li għadda waqt il-finali tal-festival kisbet xejn inqas minn 16979 vot mill-pubbliku permezz tat-televoting u 49 vot min-naħa tal-ġurija, biex b’hekk ser tkun l-għoxrin rappreżentanta ta’ pajjiżna fil-Eurovision Song Contest li din is-sena ser isir ġewwa s-Serbja. Il-kanzunetta “Vodka” hija kompożizzjoni ta’ Philip Vella b’lirika ta’ Gerard James Borg.

Il-biljetti għal dan l-avveniment ferm mistenni f’Għawdex qed jinbiegħu b’ritmu mgħaġġel ħafna. Il-biljetti qed jinbiegħu għall-prezz ta’ € 11.50 (Lm4.94c). L-ispettaklu ser jibda fit-8.30pm. Aħsbu kmieni għall-biljetti. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jikkuntattjana fuq [email protected] jew billi jċempel fuq 79550058.