Join Us On:

News Archive

MONS. ĠUŻEPPI FARRUGIA DELEGAT TAL-KONFERENZA EPISKOPALI MALTIJA FL-EWROPA

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” tifraħ lid-direttur spiritwali tagħha, il-Professur Monsinjur Ġużeppi Farrugia, Arċipriet Emeritu tal-Bażilika ta’ San Ġorġ li ġie nominat mill-Konferenza Episkopali Maltija bħala r-rappreżentant tagħha fl-Unjoni Ewropea. Din n-nomina tagħmel lil Monsinjur Farrugia l-ewwel Għawdxi li qatt okkupa kariga għan-nom tal-Konferenza Episkopali Maltija.

Il-Konferenza Episkopali Maltija tinkludi l-Arċi-Djoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex. Sorsi li tkellmu ma’ lastella.com.mt.mt ikkonfermaw li n-nomina ta’ Monsinjur Farrugia kienet approvata unanimament. Il-Konferenza Episkopali Maltija hi ffurmata mill-E.T. Mons. Pawlu Cremona (President) Arċisqof ta’ Malta, L-E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex u Mons. Annetto Depasquale, isqof titulari ta’ Aradi. Mons. Mario Grech hu Dekan tal-Kolleġġjata Lateranensi ta’ San Ġorġ Martri tal-Belt Victoria.

L-aħbar ingħatat fi stqarrija konġunta maħruġa mill-Kurja Arċiveskovili ta’ Malta u l-Kurja ta’ Għawdex, wara li aktar kmieni din l-ġimgħa, kif inhi l-prassi f’nomini uffiċċjali tal-Knisja Maltija, ġew infurmati l-President ta’ Malta, Dr Edward Fenech Adami, l-Prim Minstru Dr Lawrence Gonzi, l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr Alfred Sant, l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Dr Michael Frendo u l-Kumitat ta’ l-Affarijiet Barranin tal-Parlament Malti. Mons. Farrugia qed jissuċċedi lil Dr. Vanni Xuereb. Il-Konferenza Episkopali Ewropea hija membru fil-kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-membri stati ta’ l-Unjoni Ewropea u tinkludi l-Konferenzi Episkopali ta’ l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ingilterra u Wales, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvija, il-Litwanja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugal, ir-Romania, l-iSkandinavja, l-iSkozja, l-iSlovakja, is-Slovenja, Spanja u l-Arċi-Djoċesi tal-Lussemburgu. Din il-kariga tagħmel lil Monsinjur Farrugia president tal-Kummissjoni ‘Il-Knisja u l-Ewropa’, fi ħdan il-Kurja Arċiveskovili ta’ Malta, filwaqt li jibqa jokkupa l-kariga ta’ delegat ta’ l-isqof għall-Kultura u l-edukazzjoni ġewwa l-Kurja ta’ Għawdex.

L-għanijiet tal-kummissjoni huma li tħares u tannalizza l-proċess politiku ta’ l-Unjoni Ewropea, tinforma u tkabbar l-kuxjenza ġewwa l-Knisja fuq l-iżviluppi tal-politika u l-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea u tippromwovi riflessjoni bbażata fuq t-tagħlim tal-Knisja fuq l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea.

Sorsi viċin il-Kurja Maltija spjegaw kif Monsinjur Farrugia, ser ikollu l-faċilità ta’ uffiċċju fi Brussell, għalkemm hu mifhum li parti sostanzjali ta’ l-impenn li titlob din l-kariga hekk prestiġġjuża jistgħu jiġu moqdija minn Għawdex u Malta.

Monsinjur Ġużeppi Farrugia twieled fil-Belt Victoria u ġie ordnat saċerdot fl-1978 mill-E.T. Mons Nikol Ġużeppi Cauchi fil-Bażilika ta’ San Ġorġ. Huwa kiseb id-Dottorat fit-Teoloġija Dommatika mill-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma. Huwa professur tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u fis-Seminarju Maġġuri tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Nhar il-Ħadd 15 ta’ Frar 1998 hu ħa l-pussess bħala Arċipriet tal-Kolleġġjata Bażilika ta’ San Ġorġ Martri tal-Belt Victoria minn idejn l-E.T. Mons. Nikol Ġużeppi Cauchi . L-E.T. Mons. Mario Grech ħatru delegat tiegħu għall-edukazzjoni u l-kultura fl-2007.

Monsinjur Farrugia speċjalizza fit-teoloġija Kristjana tar-Reliġjonijiet u rriċerka fl-antropoloġija u l-aġġjografija. Huwa awtur tal-ktieb “Aġġjografjia Ġorġjana” u ko-editur tal-volum enċiklopediku SAN ĠORĠ, ippubblikat mill-Bażilika ta’ San Ġorġ. F’Diċembru tas-sena 2007, is-Soċjetà Filarmonika La Stella AD 1863 ħatritu d-direttur spiritwali tagħha, suċċessur tal-mibki Monsinjur Salv Borg. Monsinjur Farrugia hu ċ-chaplain tal-Victoria Scouts Group.

Matul l-arċipretura ta’ Monsinjur Farrugia l-parroċċa ta’ San Ġorġ stagħniet b’inizzjattivi li ppromovew l-liturġija, il-fidi u l-kultura. Monsinjur Farrugia waqqaf l-Kor “Laudate Pueri” (1975), il-“Ladies Society” (1982), l-Fondazzjoni Belt Victoria (1998), il-“Victoria International Arts Festival Foundation” (1998) , l-Grupp 23four (1998), ir-Radju “Leħen il-Belt Victoria” (2000), il-website www.stgeorge.org.mt (2005), mexxa l-proġetti kbar ta’ restawr li saru fil-Bażilika fl-1997, bena d-dar parrokkjali, ċ-ċentru kulturali fi ħdan il-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Kappella Biżantina, is-Sagristija l-Kbira, l-uffiċċju parrokkjali u wettaq diversi proġetti ta’ arti fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fosthom il-Bieb tal-Bronż tal-Bazilika u s-sistema ta’ illuminazzjoni tal-Bażilika. Matul d-disa’ snin ta’ arċipretura ta’ Mons Farrugia ġew ċċelebrati l-festi straordinarji ta’ l-1700 sena mill-martirju ta’ San Ġorġ bejn l-2002 u l-2004 li għalihom kienu preżenti l-Eminenti Kardinali Antonio Maria Haviere Ortas, Edward Michael Egan u Salvatore de Giorgi; inġabet r-relikwija Qaddisa ta’ San Ġorġ li hi meqjuma fil-Bażilika Rumana ta’ San Giorgio al Velabro; żaru l-Bażilika ta’ San Ġorġ il-“Cappella Musicale Pontificia Sistina”, il-Kor ta’ Canterbury fost l-oħrajn u ġew mqiegħda ż-żewġ rħamiet mal-faċċata tal-Bażilika li jfakkru l-Ġublew l-Kbir tas-sena 2000 u ċ-Ċentinarju l-Kbir ta’ San Ġorġ ta’ l-2003.

Ikkuntattjat minn lastella.com.mt.mt, ftit mumenti wara li ġie mgħarraf bin-nomina, Monsinjur Farrugia stqarr l-apprezzament tiegħu għall-ħatra u tenna x-xewqa li jaħdem bis-sħiħ għall-ġid tal-Knisja Maltija fil-kuntest ta’ l-isfidi u l-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea, filwaqt li jibqa’ preżenti u attiv bi sħiħ fil-Kapitlu u l-presbiterium tal-Bażilika ta’ San Ġorġ u fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika “La Stella”.

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” tħossha kburija b’din il-ħatra u tawgura lil Mons. Farrugia fil-ħidma l-ġdida tiegħu filwaqt li permezz tal-website lastella.com.mt.mt tħossha onorata li kienet fost l-ewwel mezzi tax-xandir Malti li rrappurtat din n-nomina.