Join Us On:

News Archive

MONS. PAUL CARDONA ARĊIPRIET ĠDID

L-ET Mons. Isqof Mario Grech, isqof ta’ Għawdex għadu kif innomina lil Mons. Paul Cardona, minn Ta’ Sannat bħala l-Arċipriet il-ġdid tal-bażilika Ġorġjana f’beltna. Mons. Cardona ser jieħu post Mons. Ġużeppi Farrugia li mexxa l-parroċċa tagħna għal dawn l-aħħar disa’ snin. Mons. Farrugia ġie nominat bħala Delegat għas-Segretarjat tal-Edukazzjoni u l-Kultura fid-Djoċesi t’Għawdex.

Mons. Cardona beda l-ħidma tiegħu fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ b’effett immedjat. Fil-fatt huwa mistenni li dalgħodu jiġi jżur il-bażilika akkumpanjat mill-Isqof tad-Djoċesi, fejn ser jiġu milqugħa mill-Arċipriet Emeritus Mons. Farrugia, membri tal-kapitlu, kif ukoll membri tal-Kunsill Amministrattiv tal-bażilika.

F’dawn l-aħħar snin Mons. Paul Cardona serva bħala kappillan tal-parroċċa ta’ San Liborju f’Ruma. Huwa ġie ordnat saċerdot fl-1977, mill-ET Mons. Isqof Nikol Ġ. Cauchi. F’din l-istess okkażjoni Mons. Ġużeppi Farrugia, l-arċipriet emeritus, kien ġie maħtur djaknu.

Is-Soċjetà Filarmonika “La Stella” tixtieq tifraħ u tawgura lil Mons. Paul Cardona għall-ħatra tiegħu bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Is-Soċjetà “La Stella” tixtieq tirringrazzja lil Mons. Ġużeppi Farrugia għall-ħidma tiegħu fit-tmexxija tal-parroċċa tagħna f’dawn l-aħħar disa’ snin, parroċċa li taħt it-tmexxija tiegħu kompliet tikber u tissaħħaħ. M’hemmx dubju li Mons. Farrugia jibqa’ mfakkar għal proġetti kbar li wettaq, fosthom il-bini taċ-ċentru parrokkjali l-ġdid u tal-proġett mill-isbaħ tal-illuminazzjoni tal-bażilika fost tant oħra.

GRAZZI MONS. FARRUGIA – MERĦBA MONS. CARDONA