Join Us On:

News Archive

MITT SENA ILU L-BANDA LA STELLA TILQA’ LIL SIR ARTURO MERCIECA

Mitt sena ilu l-banda ċittadina u dekana La Stella kompliet tikteb – kif ħadd bħalha ma jaf – l-istorja soċjali ta’ pajjiżna meta laqgħet fid-daħla tal-belt ta’ Għawdex lir-rappreżentant il-ġdid għall-gżira li kien għadu kemm ġie elett fil-Kunsill tal-Gvern: Sir Arturo Mercieca.
 
Tagħrif fuq ħajtu
Sir Arturo Mercieca twieled fl-14 ta’ Ġunju 1878 fil-belt Victoria, Għawdex, u ġie mgħammed jumejn wara mill-arċipriet il-Kan. Feliċ Refalo fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fis-Seminarju ta’ Għawdex u fl-Università ta’ Malta minn fejn fl-1901 kiseb il-lawrija fil-Liġi Ċivili. Bejn l-1902 u l-1903 issokta l-istudji tiegħi f’Londra u f’Ruma; il-qasam partikulari tiegħu kien il-kriminalità. Beda jeżerċita l-professjoni tiegħu ta’ avukat fl-1903, u bejn l-1915 u l-1919 kellu l-kariga ta’ assistent avukat tal-kuruna kif ukoll ta’ professur tal-liġi kummerċjali u l-istorja tal-leġislazzjoni fl-Università Rjali ta’ Malta. 
 
Kompla jogħla fil-karigi meta fl-1919 ġie maħtur avukat tal-kuruna u konsulent legali tal-Forzi tal-Maestà Tiegħu, fejn ħa post Sir Mikielanġ Refalo li kien sar prim imħallef. Bħala avukat tal-kuruna Mercieca ħadem biex Malta jkollha s-self-government, ħolma tal-Maltin li fil-fatt rat id-dawl ftit wara, fl-1921. Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Gvern Kolonjali, qabel imbagħad Malta kellha l-ewwel parlament tagħha, Mercieca ġie mfaħħar bħala prosekutur kbir, u ngħata t-titlu ta’ “onorevoli” għal għomru kollu. F’dik l-istess sena hu sar imħallef, u fl-1924 prim imħallef u president tal-Qorti Kriminali u ta’ l-Appell. Fi żmien il-gvern tal-Partit Kostituzzjonali Mercieca tneħħa mis-seduti tal-Qorti Kriminali, imma wara bosta protesti reġa’ tħalla jidħol. Minħabba s-simpatiji pro-Taljani tiegħu fl-1940 ġie mġiegħel jirriżenja u iktar tard ġie internat u ddeportat illegalment fl-Uganda mal-familja tiegħu flimkien ma’ sittin Malti ieħor, fosthom Nerik Mizzi u Herbert Ganado, fejn baqa’ sa l-1945.
 
Fost il-ħafna impenji ta’ Mercieca fil-ħajja soċjali u politika nsibuh iħaddan bosta karigi, fosthom: ko-fundatur u president tal-Giovine Malta bejn l-1895 u l-1905; segretarju ta’ l-Associazione Politica Maltese bejn l-1904 u l-1910, fejn ma’ sħabu ħadem biex Malta jkollha kostituzzjoni liberali; membru fl-eżekuttiv tal-Consiglio Popolare fl-1906; segretarju tal-Partit Nazzjonalista bejn l-1907 u l-1910; u fundatur fl-1921 ta’ dak li l-lum nafuh bħala l-Kunsill Studenti Universitarji, l-eqdem organizzazzjoni ta’ l-għamla tagħha fl-Ewropa. Għal Mercieca l-politika kienet vokazzjoni, li hu qeda bl-ikbar sens ta’ dmir lejn niesu u pajjiżu. Fl-1902 Arturo Mercieca ġie nnominat kavallier tal-grazzja maġistrali mill-Ordni Sovran ta’ Malta u fl-1925 knight bachelor. Fl-1961 ingħata l-medalja tad-deheb tar-Repubblika Taljana.
 
It-teatru u l-kultura kienu fost il-gosti ta’ Sir Arturo Mercieca. Imma hu kien ukoll fundatur u editur tal-ġurnal Malta Letteraria u awtur ta’ bosta xogħlijiet ta’ letteratura. L-awtobijografija tiegħu Le mie vicende (1946) hi l-aktar popolari fost il-kitbiet li ppubblika, tant li ġiet maqluba fl-ilsien Ingliż (1968); imma kiteb ukoll, fost l-oħrajn, bijografija ta’ Sir Adrian Dingli, għadd ta’ kitbiet reliġjużi, u ġabra ta’ poeżiji, Canti dell’Esilio (1946). Fl-1913 għamel id-diskors kommemorattiv ta’ l-24 Kungress Internazzjonali Ewkaristiku, waqt li fis-6 ta’ Mejju 1965 qara fi Pjazza t-Tokk indirizz ta’ merħba lill-Em.T. il-kardinal Luigi Traglia meta dan żar lil Għawdex fl-okkażjoni ta’ għeluq l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tad-djoċesi. Kien hu wkoll li, flimkien mal-Prim Ministru Dr Francesco Buhagiar, żamm il-brilja tad-debba l-bajda li fuqha kien riekeb Mons. Mikiel Gonzi meta dan għamel l-ingress solenni tiegħu bħala isqof ta’ Għawdex fl-1924.
 
Sir Arturo Mercieca miet fil-villeġġjatura tiegħu f’Marsalforn fil-31 ta’ Lulju 1969, fl-età ta’ wieħed u disgħin sena. Għal ħafna Maltin kien “miet il-President”, għax hekk kienu jafuh peress li għal żmien twil kien president tal-Qorti ta’ l-Appell, imma l-Għawdxin iżjed kellhom għaliex isejħulu hekk, għax fl-1924 kien inħatar president onorarju tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, u għalihom kien qisu l-president tas-soċjetà. Il-Ġimgħa 1 ta’ Awwissu 1969 il-banda La Stella akkumpanjat il-korteo funebri minn Salib it-Tiġrija lejn il-bażilika ta’ San Ġorġ fejn l-isqof Mons. Giuseppe Pace mexxa l-Liebra u bierek il-katavru tal-mejjet. Imbagħad il-katavru tiegħu ttieħed bil-lanċa lejn Malta fejn ’l għada s-Sibt sarlu l-funeral fil-knisja tal-Karmelitani Skalzi ta’ Ta’ Xbiex, qabel ma dan il-patrijott Għawdxi ġie midfun fiċ-ċimiterju ta’ l-Addolorata. Hu jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aqwa ċittadini li kellu Għawdex. L-iskola primarja tal-Gvern tar-Rabat, li tinsab fi Triq Vajrinġa, hi ġustament imsemmija għal dan il-kompatrijott illustri tagħna, tmiss mat-triq li fiha għex, li wkoll iġġib ismu.
 
Merħba kbira mitt sena ilu
Fit-23 ta’ April 1907 tħabbar li l-avukat Arturo Mercieca kien nominat mill-eletturi tat-tmien distrett biex jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Kunsill tal-Gvern. Reġa’ kkontesta bħala rappreżentant ta’ Għawdex l-elezzjonijiet tal-11 u t-12 ta’ Ottubru 1909, mitt sena ilu, fejn irnexxielu jikseb l-ikbar għadd ta’ voti minn fost id-distretti kollha: 355 vot. F’Le mie vicende Sir Arturo Mercieca jikteb hekk fuq it-tifkiriet ta’ dik ir-rebħa elettorali tiegħu:
 
F’Għawdex il-Ħadd ta’ wara organizzawli merħba kordjali oħra bid-daqq tal-banda, meta mort biex nirringrazzja lill-kostitwenti tiegħi għall-fiduċja li mill-ġdid urew fija bħala r-rappreżentant tagħhom fil-Kunsill tal-Gvern.
 
Minn ritratt antik li qed nippubblikaw ma’ dan l-artiklu, li ħadnieh minn fuq kartolina li ntbagħtet bil-posta fit-30 ta’ Novembru 1909, jidher kif din il-“banda” li jsemmi Arturo Mercieca nnifsu fl-awtobijografija tiegħu ma kienet ħadd għajr il-banda ċittadina La Stella. Dan ma setax ikun mod ieħor meta wieħed iqis ir-rabtiet kbar li l-familja Mercieca kellha mas-Soċjetà Filarmonika La Stella. Meta fl-1885 ġie mżanżan l-ewwel sett ta’ uniformijiet li kellha l-banda, dawn tħietu mill-aħwa bniet tal-fundatur u l-ewwel president Pietru Attard u ta’ Bartolomeo, Ambrogio u Vincenzo Mercieca. Dawn it-tliet aħwa kienu kollha membri tas-Soċjetà La Stella, u Vincenzo, li kien perit, kien ukoll president tagħha bejn l-1890 u l-1903. Bartolomeo, li kien tabib, kien jiġi missier Arturo. Għalhekk kif seta’ jonqos li l-banda La Stella ma tagħmilx ġieħ bħal dan lil patrijott Għawdxi li kien ġej minn familja daqshekk attiva fil-partit “Ta’ l-Istilla”!
 
F’dan ir-ritratt il-bandisti jidhru fuq il-parapett tal-lukanda Duke of Edinburgh, fi Triq ir-Repubblika, qed jistennew il-wasla ta’ l-avukat Mercieca minn Malta, biex imbagħad jakkumpanjaw bid-daqq tal-marċi lir-rappreżentant ta’ l-Għawdxin ’il fuq lejn il-qalba tal-belt. Dak in-nhar il-banda kellha lill-Kav. Alfred Hare bħala direttur mużikali tagħha. Din il-ġrajja li seħħet mitt sena ilu hi biss waħda mill-okkażjonijiet speċjali fl-istorja soċjali – u anki politika – ta’ gżiritna fejn il-banda tal-belt, La Stella, ġiet mistiedna ddoqq u takkumpanja persunaġġ prominenti.  Lil Arturo Mercieca stess, fil-fatt, il-banda daqqitlu f’kemm-il okkażjoni: fl-1921, meta sar imħallef, għamlitlu marċ mill-Villa Rundle, u l-istess fl-1924 meta kien ġie maħtur president onorarju tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.
 
L-1909, mitt sena ilu, tfakkarna wkoll f’wieħed mill-presidenti li kellha s-Soċjetà Filarmonika La Stella fl-istorja glorjuża tagħha, William C. Millard (president bejn l-1914 u l-1921 u mill-ġdid bejn l-1927 u l-1929). Fil-5 ta’ Awwissu ta’ dik is-sena Millard kien laħaq assistent segretarju għal Għawdex wara Edward Casolani. Dam f’din il-kariga, li kienet tirrappreżenta lill-gvernatur Ingliż fil-gżira ċkejkna tagħna, sa Mejju 1922. Millard jinsab midfun fil-knisja tal-Franġiskani Konventwali tal-belt Victoria.
 
Dan kollu jixhed kif fl-istorja tagħha, li issa qed toqrob lejn il-mija u ħamsin anniversarju ta’ tnissil, din l-ewwel soċjetà mużikali Għawdxija, id-dekana tal-kapitali tal-gżira, messet ma’ nies prominenti fl-istorja tal-gżejjer tagħna, bħalma kienu Sir Arturo Mercieca u William C. Millard, u bis-sehem tagħha ssoktat tikkontribwixxi fit-tiswir sod tal-kultura għolja f’pajjiżna.
 
Ir-Ritratti:
1. Il-banda La Stella tistenna l-wasla ta’ Sir Arturo Mercieca fl-1909.
2. Mir-reġistru tal-magħmudijiet ta’ San Ġorġ.
3. Ritratt ta’ Sir Arturo Mercieca ffirmat minnu fl-1952 miżmum fil-każin La Stella.
4. Monument tiegħu fl-iskola primarja msemmija għalih fil-belt Victoria.
5. Il-president William C. Millard.

Ritratti u tagħrif miġbura minn Michael Said u Francesco Pio Attard.