Join Us On:

News Archive

MILIEDFEST – THE LA STELLA GRAND CHRISTMAS SHOW

L-Għaqda Armar Festa San Ġorġ fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella, f’kollaborazzjoni mad-direzzjoni ta’ Teatru Astra, għandha l-pjaċir tħabbar li sa ttella’ Miliedfest – The La Stella Grand Christmas Show, fuq il-palk ta’ l-istess Teatru, nhar is-Sibt 22 ta’ Diċembru, fit-8.00pm. Fis-serata sa jieħdu sehem il-Banda Ċittadina La Stella, il-kor rinomat tal-Bażilika ta’ San Ġorġ Laudate Pueri, is-Centre Stage Dance Academy, The Power House, Dance Cradle u l-atturi tfal, żgħażagħ u adulti tat-Teatru Astra.
 
Miliedfest għandu joffri spettaklu mill-aqwa u uniku ta’ mużika, żfin, dwal u drama għal dan l-istaġun festiv, fejn l-udjenza tista’ dduq tiżwiqa mill-isbaħ ta’ atturi u żeffiena bravi, dwal u kostumi mlewna… u ma jonqsux il-carols tant sbieħ tal-Milied. Fi ftit kliem, dawn sa jkunu disgħin minuta ta’ mużika, żfin, drama u anki xi ftit umoriżmu, b’xeni spettakolari tal-Milied fl-isfond tagħhom.
 
Biljetti għal Miliedfest jinkisbu mit-Teatru Astra, miftuħ kuljum bejn is-7.00am u l-10.00pm, jew billi wieħed iċempel fuq 99021591.