MILIEDFEST 2008: SUĊĊESS IEĦOR!
Nhar is-Sibt li għadda, 20 ta’ Diċembru 2008, il-palk tas-Sala Giuseppe Giardini Vella kellu jkun il-protagonista, għall-ewwel darba wara ħafna snin, biex fuqu ttellgħet varjetà kbira tal-Milied, organizzata mill-Għaqda Bandisti żgħażagħ La Stella. L-udjenza li mliet is-sala kollha kellha kliem ta’ tifħir għall-mod kif ġiet organizzata serata ta’ din ix-xorta.
Fis-7.00pm bdew jinġabru n-nies fil-fojer tat-Teatru Astra li aktar tard kellhom jiffurmaw udjenza tabilħaqq inkuraġġanti, hekk kif eżattament barra l-bieb tal-każin bdiet show ta’ logħob bin-nar minn Catch A Fire Jugglers.
Ftit wara s-7.30pm bdiet ix-show tal-Milied fis-Sala Giuseppe Giardini Vella, bil-bandisti żgħażagħ u l-allievi tagħna jdoqqu carols u mużika tal-Milied. Eżattament wara fuq il-palk telgħet il-kantanta żagħżugħa Alessia Camilleri li kantat żewġ kanzunetti mir-repertorju tagħha. Wara dan il-mument ta’ kant il-palk ċeda postu għal Merlino The Magician u l-assistenta tiegħu, li bil-maġija spettakolari tagħhom affaxxinaw lill-udjenza! Wara nofs siegħa ta’ maġija kontinwa akkumpanjata minn mużika kontinwa, fuq il-palk telgħu Ninu Azzopardi, George Sacco, u t-tfajjel George Joseph Borg, li flimkien ipproduċew l-isketch Totinu jikteb liz-zijiet, miktuba mill-mibki Mons. Salv Borg. Wara din l-isketch saret intermission qasira, sakemm l-udjenza reġgħet ġabet lura n-nifs li tilfet wara d-daħk sfrenat li ġabet magħha l-isketch!
Wara l-intermission fuq il-palk tela’ grupp ta’ tfajliet immexxi minn Nadine Mizzi, li tana wirja qasira imma preċia ta’ żfin. Wara ż-żfin ilqajna fuq il-palk lill-mistednin speċjali tas-serata, Joe id-Dulli u Veronika, li xejn inqas mill-atturi ta’ l-isketch komplew iżidu ma’ l-atmosfera ferrieħa li nħolqot fis-sala. Wara d-Dulli u Veronika l-palk ċeda postu għat-tieni kantanta tas-serata, Christine Sultana, kantanta żagħżugħa oħra, li kantat żewġ kanzunetti oħra. Imbagħad ittella’ l-hamper, u kellhom ikunu l-bandisti żgħażagħ u l-allievi tagħna li għalqu s-serata bid-daqq tal-muika tal-Milied. Is-serata kienet ippreżentata mis-Sinjura Orietta Gatt.
Kienu ħafna l-kummenti ta’ apprezzament u inkuraġġiment li rċivew l-organizzaturi, wara li varjetà bħal din irnexxiet mija fil-mija! Fil-fatt diġà hemm il-ħsieb li fil-futur qarib tiġi organizzata varjetà simili fi żmien ieħor tas-sena, u li dalwaqt, permezz ta’ dan is-sît, ikollna x-xorti nħabbrulkom. Iżda din is-serata kienet biss waħda mill-ħafna attivitajiet organizzati għal dan iż-żmien sabiħ tal-Milied.
It-Tnejn 22 ta’ Diċembru 2008, kif ipprogrammat, saret il-laqgħa spiritwali tal-Milied, immexxija mill-arċipriet emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia, direttur spiritwali tas-Soċjetà, segwita mit-tberik ta’ presepju artistiku u riċeviment fil-fojer tal-każin. Għal din l-attività, li bħal ta’ qabilha saret fis-Sala Giuseppe Giardini Vella, ukoll attenda għadd sabiħ ta’ bandisti u membri tas-Soċjetà Filarmonika La Stella. L-appuntament ewlieni li jmiss issa huwa għal nhar is-Sibt 3 ta’ Jannar 2009, meta l-bandisti żgħażagħ u l-allievi tagħna jagħtuna kunċert ta’ mużika tal-Milied, eżattament lejlet l-aħħar festa kbira f’dan iż-żmien sabiħ, il-festa ta’ l-Epifanija. Ejjew nagħmlulhom kuraġġ liż-żgħażagħ tagħna, nuruhom l-apprezzament tagħna, u nattendu bi ħġarna għall-attivitajiet li jorganizzawlna.