Join Us On:

News Archive

MICHAEL FORMOSA ELETT PRESIDENT

President ġdid

Il-Banda Ċittadina La Stella llum eleġġiet lis-Sur Michael Formosa bħala l-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u t-Teatru Astra. Michael, li għandu 35 sena,  ilu jokkupa il-kariga ta’ Segretarju tal-istess Soċjetà sa mill-2009.   F’dawn l-aħħar 9 snin hu kien strumentali għal numru ta’ inizjattivi fosthom l-introduzzjoni ta’ RockAstra, l-musicals fit-Teatru Astra, t-twaqqif tal-Kor Piccole Stelle u numru ta’ riformi amministrattivi.

Bejn l-1999 u l-2007 kien attiv fi ħdan il-Parroċċa ta’ San Ġorġ, fejn fost l-oħrajn serva bħala membru tal-Kunsill Parrokkjali, Segretarju tal-Kumitat tal-festi Ċentinarji tal-2003 u kien wieħed mill-founding members tal-Group taż-Żgħżagħ 23four. Hu kien editur ta’ numru ta’ pubblikazzjonijiet, inkluż il-Volum Enċiklopediku ‘San Ġorġ Martri’.

Fuq livell professjonali Michael hu Accountant, u ggradwa mill-Università ta’ Malta fil-Accountancy u l-Management fl-2007.  Michael jipprattika l-professjoni tiegħu f’waħda mill-ażjendi ta’accountants  u għal xi żmien ħadem  ġewwa New York fis-settur finanzjarju.

Minn din il-paġna nifirħulu għal din il-kariga l-ġdida li naturalment ġġib magħha responsabbiltà imma wkoll sodisfazzjon f’dak kollu li jiġi mwettaq.  Awguri u buon lavoro !

Michael2012[2941]

Insellmu lill-President ta’ qabel, is-Sur Paul M Cassar

Huwa xieraq li minn din il-paġna, f’isem is-Soċjetà Filarmonika La Stella, nsellmu u nirringrazzjaw tas-servizz u d-dedikazzjoni lis-Sur Paul M Cassar, li matul l-aħħar erbgħa snin serva bħala President. Dan naturalment minbarra ż-żmien twil li għamel bħala Segretarju Ġenerali tal-istess Soċjetà bejn l-1966 u l-1992 (meta din kienet l-għola kariga) u wkoll bħala President fl-1993.  F’dawn l-elezzjonijiet s-Sur Cassar wera x-xewqa li ma jikkontestax.

Isem ‘Pawlu Cassar’, kif kulħadd jafu, huwa sinonimu mas-Soċjetà Filarmonika La Stella, it-Teatru Astra u ħafna mill-avvenimenti mportanti marbuta mal-istorja tal-Bażilika ta’ San Ġorġ. Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tibqa grata lejh u lejn dawk kollha li ikkollaboraw miegħu, b’mod speċjali għall-bini tas-sede uffiċjali tagħha u t-Teatru Astra, li s-sena l-oħra ċċelebra l-ħamsin sena minn meta nfetaħ.

Mill-ġdid lis-Sur Cassar ngħidulu ‘grazzi’ ta’dak kollu li għamilt b’dedikazzjoni kbira lejn is-Soċjetà li inti tant tħobb.

 

B’hekk, issa li għaddew l-elezzjonijiet tal-Kumitat Ġenerali u l-President, tista’ tkompli l-ħidma fi-diversi sezzjonijiet. Fil-jiem li ġejjin se jinħatar minn fost il-membri tal-kumitat l-eżekuttiv u d-diversi karigi, biex dawn ikunu jistgħu jaħdmu għas-sentejn li ġejjin.  Ix-xogħol li għandna quddiema huwa kbir…recording ta’ sett ta’ marċi ġodda, servizzi tal-Banda, impenji relatati mal-karnival, mal-musical, li issa dieħel fil-qofol tiegħu, mal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid, festa liturġika ta’ San Ġorġ, RockAstra u diversi proġetti oħra ta’ natura amministrattiva !  U dan kollu fl-ewwel nofs tal-2019 !