Join Us On:

News Archive

M’HEMMX PARAGUNI!

Jibqgħu fuq fomm kulħadd, il-festi kbar li Għawdex iċċelebra f’ġieħ il-qaddis patrun u protettur tiegħu San Ġorġ Megalomartri. Kważi xahar wara li ntemmu l-festi, għadek tisma’ numru kbir ta’ Ġorġjani jitkellmu bejniethom dwar dawn il-jiem sbieħ fis-sena, jgħidu “X’festa kellna!” Iva, kellna festa…festa mill-aqwa…festa eżemplari, u ma nkunux prużuntużi meta ngħidu lil ħaddieħor: “Ara u tgħallem!”

Hemm ħafna x’tara u x’titgħallem minn dawn il-jiem ta’ festa Ġorġjana. Il-festi kbar fetħu nhar l-14 ta’ Ġunju permezz tal-Victoria International Arts Festival, festival ta’ kultura li din is-sena ċċelebrajna l-għaxar anniversarju tiegħu. F’din l-għaxar edizzjoni tiegħu kienu b’kollox 28 l-attivitajiet mużikali, pittoriċi, letterarji u drammatiċi li offra dan il-festival ferm prestiġjuż. M’hemmx dubju li dan il-festival li issa kiseb isem internazzjonali, jagħmel il-festa ta’ San Ġorġ, waħda unika u inimitabbli f’pajjiżna. Dan grazzi għal dawk kollha li ħadmu biex dan il-festival seta’ jikseb is-suċċess li nkiseb, u hawn ma nistax ma nsemmix il-ħidma kbira li saret mill-WR Arċipriet Mons. Ġużeppi Farrugia, il-Prof. Joseph Vella, li huwa d-direttur artistiku ta’ dan il-festival, Rev. George J. Frendo u oħtu Dr. Maria Frendo, li huma wkoll koordinaturi ta’ dan il-festival ewlieni fi gżiritna. Kellna numru kbir ta’ kunċerti li bihom stajna nitpaxxew, imma żgur ħadd ma jinsa l-kunċert grandjuż li ttella’ fil-bażilika, nhar it-Tnejn 9 ta’ Lulju, mill-orkestra nazzjonali, bis-sehem tal-vjolinista Marcello Canci, it-tenur Leonardo Alaimo, u t-tliet korijiet “Laudate Pueri”; “Edinburgh University Chamber Choir” u “King’s Junior School and Ely Choristers”.

X’ma tissejjaħx kbira l-festa ta’ San Ġorġ! Fejn f’Malta u Għawdex ser tara dawn it-tip ta’ kunċerti, li huma parti integrali mill-festa ta’ beltna. Min attenda għas-serata tad-9 ta’ Lulju, jista’ jifhem x’kapaċi toħloq il-parroċċa tagħna, li bħal dejjem hija f’ħidma kontinwa mas-Soċjetà “La Stella”. Dawn il-kunċerti qed ipoġġu lill-festa tagħna fl-ogħla post fil-qasam kulturali f’pajjiżna.

Il-festa esterni komplew matul il-ġimgħa kollha, fejn f’dawn il-jiem kellna xejn inqas minn għaxar baned mistiedna minn Malta u Għawdex. Fatt li spikka kien li matul il-ġimgħa kollha, beltna laqgħet fiha mases kbar ta’ nies.(Ir-ritratti jitkellmu wahedhom). M’hemmx dubju li l-festa ta’ San Ġorġ hija l-aktar festa kompluta fi gżiritna u dan jagħmel il-festa tagħna bħala waħda unika f’pajjiżna. X’ma kinux kbar it-tliet dimostrazzjonijiet li kellna, tul it-tlitt ijiem tat-tridu Ġorġjan. Tassew fraħna u ferraħna lil kull min attenda, mingħajr ma konna provokattivi. L-istess nistgħu ngħidu għall-marċ il-kbir ta’ lejlet il-festa u dak ta’ nhar il-festa filgħodu.

Fil-marċ kolossali ta’ lejlet il-festa l-baned ċittadini “La Stella” u “King’s Own” bil-kemm setgħu jimmarċjaw bil-folol kbar li attendew. Dan jista’ jixhduh dawk kollha li kienu preżenti għal dan il-marċ, Maltin, turisti, u eluf ta’ Għawdxin. Mad-daqq ta’ l-innu, fost il-briju kbir u uniku miż-żgħażagħ Ġorġjani, inkixfet is-sorpriża, biċċa xogħol mill-isbaħ, maħduma mill-membri ta’ l-Għaqda Żgħażagħ, li bla dubju kompliet issebbaħ l-atmosfera festiva ta’ dan il-marċ. Waqt l-innu, dawk l-eluf li kienu preżenti setgħu jgawdu wkoll logħob tan-nar ta’ l-ajru mill-isbaħ, maħruq minn fuq il-bejt tal-każin. Il-marċ, li għamel ħin twil fi Triq ir-Repubblika, intemm fi Pjazza San Franġisk, l-akbar pjazza f’beltna, li wkoll kienet fgata bin-nies, biex isegwu l-logħob tan-nar ta’ l-art, spettaklu ieħor li jkompli jkabbar il-festa tagħna.

Iva, briju mill-aqwa kellna wkoll nhar il-Ħadd filgħodu, f’marċ li fih ġew mistiedna żewġ baned Maltin: il-banda “San Ġorġ Martri” ta’ Ħal-Qormi, kif ukoll il-banda “Stella Maris” ta’ Sliema, li ġiet għall-ewwel darba ddoqq fil-festa tal-belt Victoria – żewġ baned armati sa snienhom, li bid-daqq kontinwu tagħhom ta’ marċi mill-aktar popolari ħolqu festa grandjuża u spettaklu ta’ briju. Tapit aħmar kesa pjazza Indipendenza – iva, tapit ta’ nies, ta’ Ġorġjani, u oħrajn Għawdxin, Maltin u turisti li ngħaqdu magħna għal dan il-marċ grandjuż. M’hemmx dubju li fi gżiritna biex tara briju bħal dan trid tasal il-festa ta’ San Ġorġ biex tgawdih. Briju li fih spikka l-kant ta’ tifħir lill-qaddis protettur ta’ l-Għawdxin San Ġorġ Martri – ħaġa li għall-kuntrarju ta’ festi oħra, turi l-imħabba ferm kbira li għandu l-poplu Rabti lejn dan il-qaddis patrun. Briju mingħajr provokazzjonijiet żejda, briju li għax ġenwin ifur mhux fl-inħawi li jistgħu jitqiesu provokatorji, iżda fil-pjazez u fit-triqat prinċipali ta’ beltna, fejn jinsabu kemm il-bażilika u anke l-każin tagħna. Ferħu l-Ġorġjani kollha u kellhom biex! Ferħu u ċċelebraw festa oħra li fuq kliem kulħadd kienet suċċess. Kellna fostna diversi Slimiżi, li ġew f’beltna jakkumpanjaw il-banda tagħhom, li ġew għall-ewwel darba fil-festa tagħna u li verament baqgħu impressjonati u ssummati b’dak li kapaċi noħolqu aħna l-Ġorġjani fil-jiem tal-festa tagħna. Ma dawn kien hemm bil-bosta oħrajn, li lkoll qablu li kienet festa suċċess. Fraħna u ferraħna f’dawn il-jiem ta’ festa, b’mod speċjali f’dan il-marċ, li f’festi oħra huwa meqjus ma’ insulti u provokazzjonijiet. Fraħna mingħajr ma weġġajna lil ħadd. Fraħna għax tassew kellna biex nifirħu, u għalhekk ma ħassejna l-ebda bżonn li noffendu jew li noħolqu provokazzjonijiet. Konna eżemplari, l-istess bħalma konna fil-ġimgħa kollha tal-festa. Eżemplari u Uniċi!

Kienu jiem mill-isbaħ, li laħqu l-qofol tagħhom, il-Ħadd 15 ta’ Lulju, bil-purċissjoni solenni li ħarġet mill-maqdes ewlieni ta’ beltna. Ma jintesew qatt dawk ix-xeni tal-ħruġ u tad-dħul tal-purċissjoni…xeni li juru l-imħabba kbira li l-poplu Għawdxi għandu lejn il-qaddis protettur u patrun tiegħu, San Ġorġ Megalomartri. Wara ġimgħat sħaħ ta’ preparazzjoni, wieħed irid juri apprezzament għax-xogħol kollu li jkun sar mid-diversi sezzjonijiet tas-Soċjetà Filarmonika “La Stella”, flimkien mal-amministrazzjoni tal-bażilika Ġorġjana.

Nifirħu lill-WR Arċipriet tal-bażilika tagħna, Mons. Ġużeppi Farrugia, tal-proġett kbir ta’ illuminazzjoni li ġie mwettaq fil-maqdes Ġorġjan, li ġie inawgurat fil-festi ta’ din is-sena. Nifirħu u nirringrazzjaw ukoll lis-sezzjonijiet kollha tas-Soċjetà li lkoll ħadmu bla heda biex kellna għal darboħra festa suċċess, fosthom is-sezzjoni ta’ l-armar u tan-nar. Ma nistgħux ma nsemmux il-kumitat organizzattiv tat-tiġrijiet tal-bhejjem. Din is-sena ġie deċiż li dawn it-tiġrijiet isiru t-Tlieta 10 ta’ Lulju filgħaxija, flok lejlet il-festa bħalma kien isir f’dawn l-aħħar snin. Kien hemm min prova jaqta’ qalb l-organizzaturi għal din id-deċiżjoni, iżda nistgħu ngħidu li dawn tassew marru mqarrqa. Is-suċċess kbir li nkiseb għadu fuq fomm kulħadd. Triq ir-Repubblika kienet maħnuqa bin-nies biex isegwu dan l-avveniment, li kellu numru rekord ta’ spettaturi u anke ta’ parteċipanti u tiġrijiet (37); avveniment li huwa kollu kemm hu organizzat mis-Soċjetà tagħna. Prosit, u nittamaw li issa nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess għas-snin li ġejjin. Nifirħu wkoll lill-membri ta’ l-Għaqda Żgħażagħ La Stella li ħadu ħsieb l-organizzazzjoni tal-briju tal-festa, u anke biex ħarġu l-flokkijiet tal-festa. Tassew għandna biex nifirħu li aħna niffurmaw parti minn din is-Soċjetà, fejn kulħadd jaħdem għal għan wieħed, b’imħabba lejn il-qaddis protettur tagħna San Ġorġ.

Ma nistgħux ninsew lill-bandisti li minbarra li onoraw in-numru kbir ta’ servizzi li kellna tul din is-sena, attendew ilkoll għat-tmien servizzi li kellna tul il-ġimgħa tal-festa. Il-banda tat servizz impekkabbli tul il-festa, bid-daqq ta’ marċi mill-aqwa, mill-pinna ta’ wħud mill-aqwa kompożituri lokali, marċi li ferrħu, u li l-esekuzzjoni tagħhom komplew kabbru isem il-banda tagħna (Dawn il-marċi ġew ukoll irrekordjati fuq CD – bl-isem “George the Martyr Saint” vol.18). Grazzi lilkom u lill-familji tagħkom, li dejjem juruna sapport tul sena sħiħa ta’ impenji. Fl-aħħar u mhux l-inqas nirringrazzjaw lis-surmast Joseph Vella, lil kull membru tal-kumitat, immexxi mill-avukat Joseph Grech, u lil dawk kollha li kkoordinaw dawn il-festi…festi eżemplari…festi li ta’ kull sena jkomplu jkabbru isem is-Soċjetà tagħna, li għal dawn l-aħħar 125 sena kellha f’idejha l-festi esterni ta’ din il-festa prinċipali ta’ gżiritna. Appuntament għal-Lulju 2008!

(ritratti: Joe Attard)