Join Us On:

News Archive

M’HEMMX PARAGUNI!

Il-festa ta’ San Ġorġ minn dejjem kienet u tibqa’ festa eżemplari, festa unika fl-istil tagħha, festa mill-aktar dinjituża, festa li ċ-ċentru tagħha jibqa’ dejjem il-qaddis patrun u protettur tal-Għawdxin. Diffiċli toħloq paraguni, anzi ma tistax, meta tara b’mod partikulari l-marċ grandjuż u kolossali li għamilna l-bieraħ minn pjazza San Ġorġ sa Pjazza Savina, bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun ta’ Għawdex – marċ li fih spikkat bla dubju ta’ xejn l-attendenza kbira u l-briju grandjuż u kontinwu miż-żgħażagħ Ġorġjani, u dan irridu nżommu f’moħħna li konna għadna fit-tieni jum tat-tridu! Bir-raġun ngħidu, li jekk trid tara ġimgħa sħiħa ta’ festi kbar trid tiġi sal-belt Victoria f’nofs Lulju, għax il-festa mhix biss jumejn jew tlieta imma ġimgħa kollha. 

Il-bieraħ rajna dimostrazzjoni kbira, li ġibdet folol kbar. Kienu ħafna li raw b’għajnejhom il-massa kbira ta’ nies li ppakkjat kull rokna ta’ Pjazza Savina fejn intlaħaq il-qofol ta’ din id-dimostrazzjoni. Jixhdu dan kollu huma r-ritratti li llum ukoll qed intellgħu ma’ dan l-artiklu (fotografu: Joe Attard). Id-dimostrazzjoni tal-bieraħ kienet ikkaratterizzata minn daqq kontinwu ta’ marċi brijużi miż-żewġ baned mistiedna: Beland taż-Żejtun u Santa Marija taż-Żebbuġ; briju u sorpriżi. Iva, sorpriża kbira ġiet imħejjija, grazzi għall-għaqda taż-żgħażagħ tagħna, fi tmiem id-dimostrazzjoni. Hekk kif l-istatwa ttellgħet fuq il-pedistall tagħha f’nofs pjazza Savina, fuq screen kbir armat fl-istess pjazza ntwera dokumentarju f’rabta mat-tema: San Ġorġ Patrun ta’ l-Għawdxin, b’filmati mill-isbaħ li juru xeni mill-festa ta’ beltna; u anke fuq il-kult kbir li jgawdi l-kbir patrun tagħna madwar id-dinja. Dan id-dokumentarju ta’ madwar tnax-il minuta għalaq bil-kbir dimostrazzjoni oħra li żgur ser tibqa’ fuq fomm kulħadd. U hawn wieħed jistaqsi: Imma x’jistgħu jagħmlu aktar tal-Istilla?

U minn hawn nagħmlu l-istedina lilkom kollha għal dawn l-aħħar tlitt ijiem tal-festa. Illejla jmiss dimostrazzjoni oħra – ir-raba’ waħda, din id-darba bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, l-ewwel statwa għall-festi esterni fi gżiritna. Ejjew ħa taraw b’għajnejkom dak li kapaċi nagħmlu aħna tal-Istilla – Ejjew ingħaqdu magħna l-Ġorġjani. Din hija il-festa tal-Għawdxin, il-festa tal-poplu kollu, li dejjem ħares lejn San Ġorġ bħala l-protettur setgħan tiegħu. Din il-festa hija tagħkom ukoll!