Join Us On:

News Archive

MESSAĠĠ MILL-PRESIDENT TAS-SOĊJETÀ

Ser nibdew sena oħra ta’ ħidma fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella wara li nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Frar kellna l-istallazzjoni tal-kumitat il-ġdid għas-sena 2011.
 
Inħarsu lejn iż-żmien li għaddejjin minnu u naraw lis-Soċjetà tagħna, dejjem ħajja u dejjem attiva, tgħaddi minn żmien tant sabiħ meta kull membru li jifforma parti minnha jħares lejn dak li jgħaqqadna u dak li jibnina. Hu ta’ sodisfazzjon kbir għalina naraw żvilupp fil-mod kif, kull individwu, bl-opinjoni u l-karattru individwali tiegħu, jirnexxielu jgħin fil-bini ta’ djalogu mmirat lejn għan wieħed ta’ għaqda u tmexxija armonjuża ta’ Soċjetà li hija l-orgolju tagħna ta’ l-Istilla. Nistgħu ngħidu bla tlaqliq li l-istallazjoni tal-kumitat il-ġdid għas-sena 2011 b’mod unanimu mill-bandisti kollha preżenti għal-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ nhar il-Ġimgħa, huwa awgurju ta’ Soċjetà li taf x’għandha u taf fejn sejra.
 
U, anke hawn bla tlaqliq, ngħidu li is-Soċjetà La Stella għandha ħafna x’tapprezza fi ħdanha. Hija Soċjetà fejn l-attività ma taqta’ xejn is-sena kollha.
 
Ix-xogħol fit-Teatru Astra, (li bħalissa qiegħed ukoll iffokat fuq il-musical ‘Għaliex Jien’ li ser isir fit-2 t’April, wara li ftit xhur ilu kellna d-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea!) jeħtieġ tant sigħat ta’ xogħol minn numru konsiderevoli ta’ membri tagħna. Bi pjaċir nirringrazzjaw lil dawk il-ħafna żgħażagħ li huma dilettanti u jmiddu jdejhom għal kull ma jkollu bżonn dan it-teatru tant dinamiku. Aħna ninkoraġixxu l-produzzjonijiet kollha teatrali, speċjalment produzzjonijiet lokali u għalhekk ferħanin immens naraw din l-attività ma taqta’ xejn għax persważi li l-ħidma f’dawn l-ambjenti teatrali jiffurmaw il-karattru taż-żgħażagħ tagħna fi triq b’saħħitha.
 
Is-Soċjetà La Stella għandha wkoll fi ħdanha l-Grupp Folkloristiku Astra li għadna kemm iċċelebrajna  l-erbgħin sena minn meta twaqqaf. Nieħdu sodisfazzjon kbir naraw dawn iż-żgħażagħ tagħna jistinkaw biex iżommu dan il-grupp folkloristiku tant ħaj u attiv bi produzzjonijiet folkloristiċi kemm ġo pajjiżna u kemm barra minn xtutna. Inwiegħdu iktar l-appoġġ tagħna wkoll lil dan il-grupp li jżejjen is-Soċjetà tagħna b’tant kuluri, żfin u folklor.
 
Għandna għal qalbna mmens l-organizzazzjoni tal-festa esterna f’gieħ il-Kbir Martri San Ġorġ fit-tielet ġimgħa ta’ Lulju li ilha f’idejn is-Soċjetà tagħna għal qrib 130 sena. Mhux ta’ b’xejn li l-festa ta’ San Ġorġ hija l-ikbar festa fil-gżejjer Maltin. Il-ħinijiet tant twal ta’ xogħol minn tant membri tagħna favur din il-festa matul is-sena kollha huwa s-sigriet tas-suċċess li tant jimmeritaw. L-appoġġ tagħna lil dawn iż-żgħażagħ, li jikkontribwixxu fl-aspetti kollha tal-festa (armar, nar, briju, baned u tiġrijiet taż-żwiemel), huwa kbir u nwegħdu iktar kollaborazzjoni għal kulma jkun hemm bzonn biex il-festa ta’ San Ġorġ tibqa’ tkun fuq quddiem nett fil-festi lokali.
 
Is-Soċjetà La Stella għandha wkoll il-Banda La Stella li hija l-mimmi t’għajnejna. L-iskola ta’ l-alljievi fi ħdan il-banda tagħna hija attiva mmens u huwa ta’ sodisfazzjon enormi għalina naraw l-interess tant kbir minn dawn l-istudenti żgħar u żgħażagħ tagħna għat-tagħlim tal-mużika biex eventwalment isiru bandisti fissi fil-banda tagħna. Id-diversi sezzjonijiet li jiffurmaw il-banda tagħna, il-Banda La Stella, qed jissaħħu ferm bil-klassijiet individwali, bil-kunċerti kollettivi u bit-tagħlim avanzat fl-istrument partikolari tagħhom. Kulma nħossu li hemm bżonn biex il-bandisti tagħna jħossuhom iktar kunfidenti biex jikkontribwixxu għall-banda tagħna nwegħdu li ser nikkonsidrawh biex possibilment nimplimentawh. Ir-riżultati qed jidhru waħedhom għax il-kwalità tant għolja ta’ marċijiet u programmi mużikali li ħadet sehem fihom il-banda tagħna qed kulma jmur dejjem togħla iżjed. Għadna kemm iċċelebrajna wkoll l-erbgħin sena minn meta l-banda tagħna għaddiet f’idejn is-Surmast Joseph Vella li llum sar sinonimu mat-teatru u mal-banda tagħna, bi pjaċir tant kbir għalina lkoll. Il-banda tagħna hija l-punt li niffokaw tant fuqu biex inkomplu nġibuha dejjem ‘l quddiem. L-armonija bejn il-bandisti kollha tagħna u l-kwalità dejjem togħla ta’ sodezza u armonija f’kull servizz li tagħti l-banda tagħna huwa għan kostanti għalina. Mhux ta’ b’xejn li l-Banda La Stella hija l-iktar banda popolari f’Għawdex meta tieħu sehem kważi f’kull festa f’kull raħal f’Għawdex. Il-banda tagħna m’għandhiex bżonn tivvinta kif timla l-ħin għax it-talba għal servizzi hija kostanti.
 
It-tmexxija ta’ tant membri li jiffurmaw is-Soċjetà Filarmonika La Stella hija f’idejn il-Kumitat Ġenerali li issa ser jibda sena oħra ta’ ħidma. Il-kumitat jagħmel laqgħat regolari biex jirnexxilu jikkordina tant ħidma minn tant individwi li lkoll naħdmu b’għan wieħed. Nixtieq nirringrazzja lil dawn sħabi, bosta minnhom huma bandisti wkoll, li jagħtu tant sigħat ta’ xogħol ta’ tmexxija li bosta drabi mhux tant xogħol ħafif. Mid-dinamizmu tal-Kumitat Ġenerali jiddependi ħafna l-entużjażmu mill-membri l-oħra kollha u għalhekk jeħtieġ li aħna lkoll naħdmu bla heda għax l-għalqa fejn naħdmu hija kbira u s-sodisfazzjon huwa wkoll kbir immens.
 
Minn hawn nixtieq ukoll nappella lil kull min iħossu li jifforma parti mill-familja tant kbira tagħna ta’ l-Istilla biex japprezza l-ħidma tant kbira li tkun għaddejja s-sena kollha fi ħdan il-ħitan tal-każin tagħna. Nitlob lil kull min hu ta’ l-Istilla biex japprezza l-ħidma tagħna u jgħinna moralment u anke finanzjarjament biex l-attivitajiet kollha li nagħmlu, speċjalment it-tmexxija tal-banda tagħna u l-organizzazzjoni tal-festa ta’ San Ġorġ inkunu nistgħu nibqgħu nagħmluhom dejjem b’suċċess ikbar, kif finalment hija x-xewqa ta’ tant partitarji ta’ l-Istilla.
 
Nirringrazzja lil kull min jifforma parti mill-familja tant kbira tagħna u, waħedha toħroġli l-għajta “Viva San Ġorġ”.
 
Grazzi.
 
Paul Zammit
President Soċ. Filar. La Stella