MESSAĠĠ MILL-PRESIDENT TAS-SOĊJETA
Kull sezzjoni fi ħdan is-Soċjeta` tagħna, minn żmien għall-ieħor, iżżomm lill-membri tagħha attivi b’risq inizjattivi kulturali u mużikali. Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, u għalhekk din il-ħidma voluntarja kontinwa minn tant għexieren ta’ żgħażagħ u kbar, hija motiv ta’ kuraġġ li żżommna għaddejjin fil-ħidma tagħna favur Soċjeta` tant sinjura b’teżori umani u kulturali.
Filwaqt li nirringrazzja lil kull sezzjoni li hi attiva fi ħdan is-Soċjeta` tagħna, nappella biex f’kull inizjattiva nżommu quddiem għajnejna l-ġid komuni tas-Soċjeta` La Stella, anke’ qabel il-ġid tas-sezzjoni tagħna. Nippruvaw li kull ma nagħmlu jkun ta’ ġieh għas-Soċjeta` La Stella, għall-Banda La Stella u għall-maħbub protettur tagħna San Ġorġ. Fil-għaqda hemm is-saħħa u fil-ħidma tagħna għandna dejjem infittxu dak li jagħqqadna.
Ser nibdew sena ġdida b’ħidmiet ġodda u inizjattivi ġodda. Ejjew f’din is-sena li ser nibdew, inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu u nappoġġjaw kull inizjattiva li ssir biex tgħaqqad u tagħti direzzjoni għat-titjib tal-Banda, Teatru u Festa taghna.
Pawlu Zammit
President