Join Us On:

News Archive

MERĦBA LULJU, IX-XAHAR TA’SAN ĠORĠ

Malli jgħaddu l-jiem ta’ Ġunju nidħlu fl-aktar xahar impenjattiv għas-Soċjetà Filarmonika La Stella, xahar li jilħaq il-qofol tiegħu fit-tielet Ħadd ta’ Lulju bil-festa f’ġieħ il-patrun tagħna San Ġorġ.

Illum is-Sibt 4 ta’ Lulju jiftħu l-festi interni bin-novena tant mistennija ta’ San Ġorġ li tibda fis-7pm. Inħeġġu lit-tfal, żgħażagħ u kbar biex jattendu bi ħġarhom għall-attivitajiet kollha, inklużi l-jiem tat-tridu, pontifikal u ċ-ċelebrazzjonijiet interni kollha. B’hekk inkunu qed ngħixu b’mod sħiħ u nagħtu sens profond lil din il-festa tant għażiża.

Din is-sena għandna festa speċjali. Wara numru ta’ snin, il-parroċċa ta’ San Ġorġ għandha l-grazzja li laħqilha saċerdot ġdid, Dun Samuel Aquilina. Nhar il-Ħadd 11 ta’ Lulju Dun Samuel se jagħmel il-‘prima messa’ tiegħu ġewwa l-Bażilika tagħna. Il-Banda Ċittadina La Stella se tkun qegħda tieħu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni importanti u takkumpanja s-saċerdot novell minn quddiem is-sorijiet Franġiskani ġewwa Triq Palma sal-knisja.

Naturalment l-festa ta’ din is-sena hija mżejna b’dak kollu li jagħmilha ‘festa kompluta’, kif tiġi definita minn ħafna li jiġu jifirħu magħna f’dawn il-jiem. Kif qed taraw it-toroq tagħna ġa bdew jiżżejnu bl-ifjen armar kif ukoll il-knisja minn ġewwa wkoll qed jsir l-armar meħtieġ għal din l-okkażjoni speċjali. Il-banda tagħna wkoll għaddejja bil-preparamenti għall-kunċert li se jsir nhar l-10 ta’ Lulju fi Pjazza San Ġorġ u naturalment il-grupp inkarigat minn nar u l-ispettaki għaddejjin b’rittmu tajjeb ukoll.

Nieħdu din l-okkażjoni biex nitolbu s-support tal-partitarji tagħna. Kull sena l-ispejjes biex torganizza festa qed dejjem jiżdiedu, u mingħajr l-għajnuna finanzjarja tagħkom ma jkunx possibli li wieħed jorganizza festa hekk kbira. Dan minkejja li ħafna xogħol isir b’mod volontarju mill-partitarji tagħna. Nixtiequ nagħmlu appell ukoll biex kulħadd jikkopera mal-organizzaturi u josserva l-istruzzjonijiet maħruġa biex nifirħu flimkien mingħajr ħadd ma jweġġa. Il-festa għandha tkun okkażjoni annwali biex minbarra li niċċelebraw il-qaddis protettur tal-Għawdxin u tal-Belt Victoria nieħdu pjaċir flimkien f’kommunità magħquda. Viva San Ġorġ!

Il-programm dettaljat tal-attivitajiet kollha jinsab hawn: