MERĦBA LILL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA L-ĠDID
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella tifraħ u tawgura lill-E.T. Dr Marie Louise Coleiro Preca għall-ħatra tagħha bħala d-disa’ President ta’ Malta. Matul il-jum tal-bieraħ, 4 t’April Dr Coleiro Preco kellha ġurnata attivitajiet fejn matulha ħadet il-ġurament tal-ħatra wara quddiesa ċċelebrata mill-Isqfijiet ta’ Malta, fosthom, l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech. Aħna ċerti li l-President il-ġdid se jpoġġi lil Għawdex fuq quddiem nett bħalma ġa stqarret hi stess u dan jawgura tajjeb ħafna għas-soċjetà Għawdxija u b’mod speċjali għall-livell kulturali ta’ gżiritna.
Minn din il-paġna nixtiequ wkoll nsellmu l-President Emeritus Dr George Abela li ċertament niftakruh fl-attivitajiet marbuta mas-Soċjetà tagħna u l-Bażilika ta’ San Ġorġ. Huwa kien jattendi regolarment għall-Pontifikali Solenni ta’ Jum il-festa ta’ San Ġorġ Martri fil-Bażilika. Fl-aħħar Pontifikal l-President ingħata bħala tifkira kopja tal-kwadru titulari ta’ Mattia Preti mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona u wara huwa stess stqarr li għalkemm din kienet l-aħħar attendenza fil-Bażilika Ġorġjana bħala President huwa ċert li ma kinitx ħa tkun l-aħħar viżita tiegħu f’ San Ġorġ ! Huwa ta’ pjaċir għalina li numru ta’ Presidenti Emeriti baqgħu jiġu San Ġorġ anke wara li spiċċa t-terminu uffiċjali tagħhom u dan ma jistax naturalment ma jimlinix b’sodisfazzjon kbir għax il-preżenza tagħhom tonora mhux biss il-kommunità parrokkjali tagħna imma lis-soċjetà Għawdxija kollha.
Għalhekk mill-ġdid nawguraw ħidma tajba lill-President il-ġdid b’risq is-soċjetà Maltija u n-nazzjon tagħna.
(Ritratti: DOI u Arkivju Bażilika San Ġorġ)