Join Us On:

News Archive

MERĦBA FIL-BELT VICTORIA U L-PARROĊĊA ĠORĠJANA

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, flimkien mal-kommunità parrokkjali tagħna, illum qegħda tifraħ u tiċċelebra jum il-pussess tal-arċipretura ta’ Mons. Joseph Curmi.  Aktar kmieni llum, il-Banda Ċittadina u Dekana La Stella, immexxija mill-kumitat ċentrali, laqgħet lill-Mons. Curmi u l-familjari tiegħu fi Triq ir-Repubblika fejn daqqet marċijiet brijużi mir-repertorju mużikali tagħha. Il-marċ li akkumpanja lill-arċipriet il-ġdid għadda minn quddiem il-Każin La Stella fejn,  kif mistenni, intlaqa’ b’ċapċip kbir minn dawk preżenti.  Minn hemm, il-banda kompliet timxi sa Pjazza San Ġorġ fejn kien hemm jistenna lill-Mons Curmi l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata Urbana.  Wara indirizz ta’ merħba mis-Sur Francesco Pio Attard bdiet Konċelebrazzjoni Pontifikali bir-Rit tal-Pussess ippreseduta mill-Isqof Grech, bis-sehem tal-Kapitlu u l-Kleru Ġorġjan, u membri tal-kleru sekulari u reliġjuż.  Wara l-Pontifikal s-Soċjetà Filarmonika La Stella rregalat pjaneta u stola lill-arċipriet il-ġdid.

Dan huwa mument ta’ ferħ u tiġdid għalina membri tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.  Mument fejn noffru l-kollaborazzjoni tagħna lill-Mons. Curmi f’ din il-mixja hekk importanti. Il-Bażilika ta’ San Ġorġ u l-Każin La Stella huma t-tieni dar tagħna u għalhekk dak kollu li jiġri fihom jolqotna b’mod dirett.  Perswasi li l-Arċipriet Curmi se jkun qed joffri d-disponibbiltà u l-enerġija kollha tiegħu biex jattira lejn it-tempju Ġorġjan lil kulmin iħoss li għandu jkun parti minn din il-kommunità, kemm fiċ-ċentru, kif ukoll fil-periferija ta’ beltna.  Kif jixhed l-aħħar ċensiment dwar il-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd xi snin ilu, il-Bażilika Ġorġjana kienet l-aktar parroċċa mfittxija minn dawk kollha li jisimgħu quddies f’Għawdex.  Dan ipoġġi responsabbiltà akbar fuq l-arċipriet tagħna u fuqna għax irridu nkunu ta’ servizz għal kulħadd.  Li l-parroċċa tagħti servizz lil nies minn kull parti t’Għawdex u Malta huwa wieħed mill-akbar unuri li jista’ jkollha.  Fi żmien meta l-Knisja f’Malta qed tiġi attakkata b’mod kontinwu rridu naħdmu aktar biex inżommu l-parroċċa tagħna u l-knisja f’Għawdex ħajja u relevanti għalina lkoll.

Għażiż Arċipriet aħna minn din il-paġna nawgurawlek suċċess fil-ħidma tiegħek  bħala r-ragħaj tagħna. Bħall-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Każin La Stella huwa wkoll post fejn tirgħa l-merħla u għalhekk il-preżenza tiegħek tkun dejjem mixtieqa.  Bil-għajuna t’Alla, Ommna Marija Immakulata u San Ġorġ Martri, il-patrun maħbub tagħna, inħarsu ‘l quddiem biex naħdmu, ħalli meta jasal il-waqt nieħdu l-frott tax-xogħol li nkunu għamilna.

Ad multos annos Mons Joseph Curmi !  Viva San Ġorġ !

(Ritratti: Carmel Cremona, Toni Farrugia)