Join Us On:

News Archive

MERAVILJA!!

Xi ġmiel…x’festa ta’ mużika! Ma setax kien isbaħ il-bidu tal-ġimgħa tal-festa f’ġieħ il-kbir martri San Ġorġ. Verament eċċezzjonali kienet is-serata tal-bieraħ filgħaxija, ġewwa l-bażilika ta’ beltna. Il-maqdes Ġorġjan, imdawwal u mżejjen għall-festa tal-Patrun kien maħnuq bil-mijiet ta’ nies, fosthom numru kbir ta’ Maltin u turisti, li attendew għall-kunċert imtella’ fl-okkażjoni ta’ l-għaxar anniversarju mit-twelid tal-Victoria International Arts Festival, kif ukoll biex jikkommemora għeluq il-ħamsa u għoxrin sena mill-ordinazzjoni presbiterali ta’ Dun George J. Frendo, id-direttur tal-kor “Laudate Pueri”. Il-kunċert sar taħt il-patroċinju tal-Eċċ. Dott. Andrea Trabalza, Ambaxxatur Taljan, u fost il-membri distinti, kien hemm il-WR Arċipriet tal-Bażilika Ġorġjana, Mons Ġużeppi Farrugia, l-iSpeaker tal-Kamra tad-deputati Dr Anton Tabone u s-Sinjura Tabone, l-Onor. Ministru għal Għawdex, Giovanna Debono u s-sur Debono, membri tal-kleru, u membri tal-kumitat tas-Soċjetà “La Stella”.

Il-ġmiel tas-serata tal-bieraħ huwa indeskrivibbli. Kienet tassew wirja li tpaxxi il-widnejn u tgħaxxaq il-qlub. Tliet korijiet, l-orkestra Nazzjonali, tenur, vjolinista u d-direttur mużikali Joseph Vella, ħolqu ġenna fil-maqdes tagħna – serata li fetħet bil-“Violin Concerto in E Minor” ta’ Mendelssohn, fejn spikkat l-ħila interpretattiva u t-teknika tal-vjolinista Taljan Marcello Canci, li daqq fuq vjolin Pietro Guarneri (Mantova, 1701).

Kien imiss imbagħad is-Sinfonija Nru 3 – “Apocalypse Verses”, tal-Prof. Joseph Vella, xogħol mużikali li żżanżan fiċ-ċentinarju Ġorġjan ta’ l-2003 – kompożizzjoni stupenda li ħalliet lill-udjenza preżenti ssummata għall-mod kif ġiet interpretata mit-tliet korijiet (Laudate Pueri; Edinburgh University Chamber Choir u King’s Junior School and Ely Choristers) , mis-solista t-tenur Leonardo Alaimo, imsaħħa b’direzzjoni impekkabbli tal-Maestro di Cappella tal-bażilika tagħna l-Prof. Joseph Vella.

X’ma tissejjaħx kbira l-festa ta’ San Ġorġ! Fejn f’Malta u Għawdex ser tara dawn it-tip ta’ kunċerti, li huma parti integrali mill-festa ta’ beltna. X’ma nissejħux kbar, meta fostna għandna persuni bħall-Prof. Joseph Vella, surmast direttur tal-banda tagħna, u maestro di cappella tal-bażilika, kif ukoll nies bħal Dr. Maria Frendo, Dun George J. Frendo u fuq kollox il-WR Arċipriet Mons Ġużeppi Farrugia, li bl-abbiltà tagħhom irnexxielhom joħolqu, dak li ħaddieħor lanqas biss joħolmu. Iva, ilkoll kburin li niffurmaw parti minn din il-familja Ġorġjana. Min attenda għas-serata tal-bieraħ jista’ jifhem x’kapaċi toħloq il-parroċċa tagħna, li bħal dejjem hija f’ħidma kontinwa mas-Soċjetà “La Stella”. Dawn il-kunċerti qed ipoġġu lill-festa tagħna fl-ogħla post fil-qasam kulturali f’pajjiżna. Irridu nuru l-apprezzament tagħna għax-xogħol indispensabbli li sar minn dawn il-persuni, biex illum nistgħu ngawdu stima liema bħalha, mhux biss f’pajjiżna iżda anke madwar l-Ewropa. Illum, grazzi għal dan ix-xogħol qed jirnexxielna nkomplu nistabbilixxu lil San Ġorġ bħala l-post li jgħolli lil pajjiżna għal-livelli internazzjonali sew għall-organizzazzjoni kif ukoll għall-kontenut. Dan għadu l-bidu ta’ festa kbira, festa tal-festi, tabilħaqq il-festa ta’ Għawdex. M’hemmx paraguni! Il-Festa tagħna hija Mudell inimitabbli. Dan mhux ftaħir, iżda realtà. Il-festa ta’ San Ġorġ bħalma dejjem kienet, tibqa’ tikkonferma li hija punt ta’ riferiment u regola ta’ perfezzjoni.

Nagħmlu appuntament magħkom għal-lejla fis-6.00pm, fejn wara quddiesa minn Mons. Salv Borg, nagħtu bidu wkoll għall-festi esterni, b’marċ mill-banda tagħna minn Taċ-ċawla sa Pjazza San Ġorġ. Isegwi l-ħruġ min-niċċa ta’ l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ Martri. Wara jkun imiss ċelebrazzjoni ta’ xhieda kristjana għaż-żgħażagħ tagħna, u t-tiġrijiet tradizzjonali fi Triq ir-Repubblika.

Ritratti: Joe Attard