Join Us On:

News Archive

MARĊI, BRIJU U FOLOL KBAR

Hekk kif il-bieraħ temmejna bil-kbir il-festi popolari f’ġieħ San Ġorġ Martri, patrun tal-belt Victoria u protettur tal-Għawdxin, illum ser inkomplu fejn ħallejna nhar is-Sibt li għadda b’aktar aġġornamenti. Illum ser nagħtu ħarsa lejn dak kollu li ġara lejlet il-festa, minn kmieni filgħodu fejn il-banda dekana bdiet l-impenji tagħha b’marċ brijuż minn quddiem il-bażilika, għadda għal pjazza Indipendenza u ntemm fil-każin La Stella.
 
Fi tmiem dan il-marċ, il-bandisti, u l-membri tal-kumitat ġenerali u s-sotto kumitati kienu mistiedna għal riċeviment tal-festa li jsir fis-Sala Giuseppe Giardini Vella, fejn hawn kien hemm mistiedna l-ogħla awtoritajiet. Fi tmiem ir-riċeviment, bħalma jsir ta’ kull sena, saru xi preżentazzjonijiet. Bdejna bil-messaġġ tal-festa min-naħa tal-president tas-Soċjetà, Dr Joseph Grech, billi rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex għal sena oħra reġa’ kellna festa suċċess. Imbagħad kien imiss li jsiru xi preżentazzjonijiet. L-Astra Folk Group irrapreżentati mid-direttur tagħhom Anton Zammit ippreżentaw għotja ta’ €500. John G. Borg f’isem il-Friends of La Stella Canada, ippreżenta marċ ġdid lis-Soċjetà. L-Għaqda Żgħażagħ La Stella ppreżentaw kwadru sabiħ ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel. Rappreżentant ta’ Radju Malta f’isem il-programm popolari Marċifest ippreżenta marċ mill-pinna tas-surmast Anthony Camilleri – marċ li s-sena li għaddiet spiċċa fit-tieni post f’kompetizzjoni tal-marċijiet f’Malta, u dan ser jindaqq mill-banda tagħna biss ġewwa Għawdex. L-ex Assitent Surmast Sunny Galea, din is-sena wkoll ippreżenta tliet kompożizzjonijiet ġodda lis-Soċjetà. F’din l-okkażjoni, numru ta’ ex bandisti tas-Soċjeta’, ġew nominati bħala bandisti onorarji bħala apprezzament għas-servizz twil li taw lis-Soċjeta’ tagħna. Il-bandisti li ġew onorati huma: Ċensu Formosa; Karmenu Farrugia; George Borg; Anton Galea u Anton Said.
 
Mument mill-aktar emozzjonanti kien x’ħin oħt il-mibki Mons. Salv Borg, arċipriet emeritu u direttur spiritwali tas-Soċjetà, Maria Zammit Borg flimkien ma’ żewġha Carmel u bintha Antonella, ippreżentaw kwadru b’ritratt ta’ Mons. Borg biex jinżamm b’għożża kbira fis-salott tal-każin La Stella. Waqt il-preżentazzjoni, fost tant emozzjonijiet, dawk kollha preżenti nfexxew f’ċapċip bla waqfien; xhieda tal-imħabba u r-rispett li kien igawdi Mons. Borg fis-Soċjetà La Stella.
 
Fi tmiem dan ir-riċeviment, kien imiss lill-President Dr Grech iħabbar proġett kbir li ser jiġi ffinanzjat minn żewġ benefatturi kbar: Anthony Aquilina u Mark Attard. Dan il-proġett ser jinkludi dekorazzjoni kbira tal-bronż għal fuq il-faċċata tat-Teatru Astra; proġett li għalih ser jitwaqqaf sotto-kumitat apposta biex ix-xogħol fuqu jibda fix-xhur li ġejjin.
 
Intant, fis-sitta ta’ filgħaxija l-banda La Stella sabet postha mill-ġdid quddiem il-każin La Stella fejn hemm bdiet marċ qasir sa Pjazza San Ġorġ fejn laqgħet lil Mons. Isqof Mario Grech, u l-kapitlu u l-kleru Ġorġjan fid-daħla tagħhom fil-bażilika għat-translazzjoni solenni. Bid-daqq tal-innu nazzjonali l-banda laqgħet ukoll il-wasla tal-E.T. il-President ta’ Malta, Dr George Abela, u s-sinjura Abela.
 
Aktar tard filgħaxija kien imiss il-marċ singolari u mill-aktar popolari ta’ lejlet il-festa. F’dan il-marċ ħadet sehem ukoll il-banda ċittadina King’s Own, li ftit qabel tellgħet ukoll programm mużikali fi Pjazza San Ġorġ. Qabel ingħata bidu għall-marċ grandjuż il-banda La Stella daqqet l-innu l-kbir A San Giorgio Martire, l-innu li fl-1931 beda t-tradizzjoni tal-innu l-kbir fil-ftuħ tal-purċissjonijiet titulari fi gżiritna. Imbagħad iż-żewġ baned ċittadini mmarċjaw wara xulxin sal-bidu ta’ Triq ir-Repubblika fejn hemm fost ir-rassa kbira tan-nies li fgaw kull rokna ta’ din it-triq ewlenija l-baned ingħaqdu u dewquna fost l-aktar marċi popolari. Ma setgħux jonqsu s-sorpriżi u l-briju grandjuż miż-żgħażagħ tagħna. Il-folla preżenti kantat bla waqfien b’vuċi waħda dan l-innu li żgur huwa l-aktar popolari fi gżiritna. Ma nafx min ma jafx il-versi “Ġorġi tagħna min qatt bħalek, stella tiddi kollha dija…”. Għal sena oħra dan il-marċ kolossali (għax m’hemmx kelma oħra biex tiddeskrivih), kien wieħed mill-aktar eżemplari li jikkuntrasta sew ma’ marċi oħra dispreġjattivi li jagħmlu diżunur lil min jorganizzahom. L-isbaħ parti tal-marċ bla dubju kienet quddiem id-dar tas-Soċjetà La Stella, li tinsab fl-aktar parti prestiġjuża ta’ Triq ir-Repubblika. Fi tmiem il-marċ fi Pjazza San Franġisk rajna spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar tal-art – spettaklu li tgawda minn folla kbira ta’ nies li ħanqet waħda mill-ikbar pjazez ta’ beltna.
 
Ritratti: Joe Attard ©