MARĊI BRIJUŻI 2016 U AKTAR ĦIDMA
Wara l-impenji assoċjati mal-Ġimgħha Mqaddsa u l-Għid il-Kbir, il-Banda Ċittadina La Stella, tkompli bil-ħidma tagħha billi issa tiffoka fuq il-kunċerti preparatorji għar-reġistrazzjoni tas-CD tal-marċi brijużi 2016. Il-preparazzjoni se tkun taħt it-tmexxija tal-Prof. Joseph Vella, Surmast Direttur tal-banda tagħna.
Naturalment din hi biss waħda mill-ħafna ħidma li hemm għaddejja fis-Soċjetà Filarmonika La Stella. Bħalma tafu għandna tim għaddej fuq il-preparazzjoni ta’ Grease, il-musical tant mistenni u li issa għadu kif tħabbar li se jsir ukoll il-Ħadd 17 ta’ April fit-3.30pm. Grupp ta’ volontarji oħra huma għaddejjin fuq il-preparazzjoni tal-opra lirika Aida li se ssir f’Ottubru li ġej u li kif jista wieħed jaħseb din hija wkoll biċċa xogħol impenjattiva ħafna.
Ma ninsewx ukoll li qegħdin f’April u allura jfisser ukoll San Ġorġ li tiegħu dalwaqt niċċelebraw il-festa Liturġika. Ma dan kollu irridu nżidu attivitajiet oħra bħas-servizzi fil-festi fl-irħula li jibdew lejn tmiem ix-xahar id-dieħel, RockAstra 2016. Dwar dan kollu ninfurmawkom aktar il-quddiem.
(Ritratti: CVC, Joe Attard)