Join Us On:

News Archive

MARĊ U PROGRAMM MUŻIKALI FIX-XEWKIJA

Hekk kif baned oħra fetħu l-impenji tagħhom għall-istaġun tal-festi fir-raħal tax-Xewkija fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-banda ċittadina u dekana La Stella kompliet iżżid mas-servizzi numerużi tagħha b’servizz ieħor fil-festa ad unur San Ġwann l-Għammiedi ċċelebrata f’dan il-lokal. Irridu nsemmu li l-banda La Stella s’issa ħadet sehem fil-festi kollha ċċelebrati fil-gżira tagħna mill-ftuħ tal-istaġun tal-festi. Dan kien il-ħames servizz għall-banda tagħna, wara l-impenji fil-Munxar, l-Għasri u l-Fontana. 

Din is-sena l-banda ġiet mistiedna ttella’ programm mużikali fil-pjazza tar-raħal lejlet il-festa. Il-banda La Stella li sa minn dejjem kienet u għadha tgawdi isem kbir fejn jidħlu programmi mużikali, nistgħu ngħidu li onorat dan is-servizz bl-akbar serjeta’. Fil-fatt il-banda taħt id-direzzjoni tas-surmast il-Prof. Joseph Vella tellgħet programm ferm imżewwaq b’mużika kontemporanja li tvarja minn mużika pop, u mużika tal-films, u mużika aktar klassika b’selezzjonijiet operistiċi u oħrajn. Għal dan il-programm mużikali l-banda għażlet għal darb’oħra li tolqot il-gosti tal-udjenza, u għalhekk minħabba l-fatt li dan il-programm sar barra u parti minn festa, ġew magħżula siltiet mużikali popolari li jolqtu l-widna.

Il-banda fetħet dan il-programm bis-silta mużikali Eighties Flashback, b’arranġament ta’ Paul Murtha li ġabret fiha wħud mill-aqwa kanzunetti tas-snin tmenin. Komplejna bl-esekuzzjoni ta’ The Band at the Opera, silta li kif jixhed isimha tiġbor fiha selezzjonijiet mill-aktar popolari minn opri differenti, siltiet li anki dawk il-persuni li ma tantx huma intiżi fil-qasam operistiku xorta japprezzawhom. Is-selezzjonijiet magħżula minn Joseph Compello, l-arranġatur ta’ din is-silta huma mill-opri: Carmen, William Tell, Pagliacci u Il Trovatore.

Kien imiss kompożizzjoni mill-pinna ta’ kompożitur lokali, Vincenzo Ciappara, li tiegħu l-banda tagħna nistgħu ngħidu li għandha wħud mill-aqwa kompożizzjonijiet. Għal din l-okkażjoni ġiet magħżula l-marcia fantastica ‘Sorrisi’ – silta ħelwa u mill-aktar festiva. Il-programm kompla bl-esekuzzjoni mill-aqwa tas-silta Parade of the Charioteers tal-kompożitur Miklos Rozsa – silta li meħuda mill-film kolossali Ben-hur. Il-banda mbagħad daqqet siltiet minn tliet  ballets ta’ P.I. Tchaikovsky: Romeo & Juliet; Swan Lake; u Nutcracker. Fl-aħħarnett il-banda għalqet il-programm tagħha bl-esekuzzjoni impekkabbli ta’ Pirates of the Caribbean ta’ Klaus Badelt. Hawn il-banda esegwiet siltiet mużikali minn dan il-film grandjuż.

Kien programm mużikali mżewwaq ħafna u anki mill-kummenti tan-nies li kienu preżenti, fosthom anki diversi turisti wieħed jifhem aktar kemm dak li ndaqq ġie apprezzat. Intant, qabel bdiet il-programm mużikali, il-banda għamlet ukoll marċ qasir matul Triq l-Indipendenza sal-pjazza tar-Rotunda. Il-banda tkompli bis-servizzi tagħha, għada l-Ħamis ġewwa r-raħal tan-Nadur, fil-marċ tat-tieni jum tat-tridu u marċ kbir ieħor lejlet il-festa ta’ San Pietru u San Pawl, nhar is-Sibt li ġej fl-istess raħal. Minn hemm imbagħad nibdew ngħoddu l-aħħar ġranet li jwassluna għall-festa l-kbira, il-festa tal-patrun tagħna, San Ġorġ.