Join Us On:

News Archive

MAQDES JINBIDEL F’ĠENNA

Bdejna tassew bil-kbir, il-bieraħ, il-ġimgħa tal-festa ad unur il-Kbir Martri San Ġorġ. Il-kunċert tal-bieraħ, min-naħa nistgħu ngħidu li għalaq bil-kbir il-ħdax-il edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival, u min-naħa nistgħu ngħidu li kien bidu eċċezzjonali għall-ġimgħa tal-festa.

Għall-kunċert li fakkar il-50 anniversarju minn meta l-knisja proto-parrokkjali ta’ San Ġorġ ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ bażilika, kellna attendenza kbira ħafna. Il-bażilika kienet ippakkjata bin-nies li attendew bi ħġarhom biex jisimgħu dan il-kunċert. L-orkestra filarmonika nazzjonali u l-kor residenti tal-bażilika ‘Laudate Pueri’ (direttur: Rev. George J. Frendo) taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella kienu f’forma mill-aqwa u tassew nistgħu ntennu li biddlu l-maqdes Ġorġjan f’ġenna ta’ mużika. L-istess nistgħu ngħidu għall-vjolinċellista ferm bravu Daniel Veis mir-Rep. Ċeka, li fetaħ il-kunċert bl-esekuzzjoni eċċezzjonali tal-Cello Concerto in B Minor ta’ Antonin Dvorak.

Wara din il-wirja stupenda min-naħa tal-vjolinċellista, kif ukoll mill-orkestra li akkumpanjatu, daħal fix-xena l-kor li l-istess kien akkumpanjat mill-orkestra għaż-żewġ biċċiet mużikali l-oħra li ndaqqu. L-ewwel li ndaqqet kienet kompożizzjoni ferm sabiħa tal-Prof. Joseph Vella, surmast direttur tal-banda tagħna, u maestro di cappella tal-bażilika Ġorġjana. Il-kompożizzjoni “Domine Iesu Christe” li kienet indaqqet ukoll fil-mawra li l-kor kien għamel fl-Istati Uniti, lura fl-2001, ġewwa l-Lincoln Centre, għal darb’oħra reġgħet ġiet esegwita b’mod perfett mill-mużiċisti u mill-koristi – biċċa xogħol mill-isbaħ tal-kompożitur li f’dan il-qasam żgur li jinsab fl-ogħla pożizzjoni.

Wara ġiet esegwita wkoll ir-“Requiem” tal-kompożitur Franċiż Gabriel Faure. Din ukoll hija biċċa xogħol mill-isbaħ tal-kompożitur, li nkitbet lura fl-1887. Hija waħda mill-aqwa kompożizzjonijiet li ħarġet mill-pinna ta’ dan il-kompożitur. F’din ir-“Requiem” kellna wkoll bħala solisti lis-sopran Maria Frendo, li hija wkoll leader tal-kor, u lill-baritonu Jaki Jurgec, li wkoll taw wirja impressjonanti.

Għall-kunċert kien hemm preżenti l-E.T. Mons Isqof Mario Grech, flimkien ma’ Mons. Arċipriet Pawlu Cardona, l-Arċipriet Emeritu Mons. Ġużeppi Farrugia, l-Onor. Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, is-Sindku Robert Tabone u s-sinjura tiegħu, membri tal-kapitlu Ġorġjan, u membri tal-kumitat ċentrali tal-Soċ. Filar. La Stella. Kien kunċert ieħor mill-aqwa li tassew fetaħ bil-kbir il-ġimgħa ta’ festi kbar f’beltna. Kien avveniment li jkompli jgħin biex il-festa ta’ San Ġorġ ma tkunx festa komuni bħall-festi l-oħra kollha f’pajjiżna, iżda tkun festa li tiffjorixxi f’kull element, li jagħmel festa unika.

Illum inkomplu bil-festi f’beltna, fejn ikollna l-ħruġ trijonfali ta’ San Ġorġ min-niċċa. Illum ukoll ikollna l-ewwel servizz tal-banda tagħna f’dawn il-festi, b’marċ minn fejn il-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb sa Pjazza San Ġorġ. Barra dan illejla wkoll ikollna l-ewwel dimostrazzjoni minn erbgħa li tilħaq il-qofol tagħha fi Pjazza San Franġisk bis-sehem tal-banda ‘Ite ad Josef’ tal-Qala.

15/07/2008

ritratti: Andrew Formosa