Join Us On:

News Archive

“MACBETH”: SUĊĊESS KBIR!

Mhux ta’ b’xejn li l-ġurnal “The Sunday Times of Malta” jagħżel li jagħti prominenza lill-opra “Macbeth” fl-ewwel paġna tal-ġurnal tiegħu, tal-lum!

L-opra “Macbeth”, imtella’ għat-tieni darba fi żmien tlitt ijiem kienet suċċess kbir. Dan jistgħu jixhduh il-mijiet li ħanqu t-Teatru tagħna l-bieraħ. Grazzi għall-ħidma kbira li saret minn bosta nies u minn bosta sezzjonijiet, il-bieraħ stajna ngawdu suċċess ieħor fl-istorja tat-teatru ewlieni ta’ gżiritna. Erġajna rnexxejna – erġajna ħriġna bl-unuri – erġajna wrejna li fejn tidħol produzzjoni operistika t-Teatru Astra jinsab fl-ogħla post f’dan il-qasam f’pajjiżna. Dan mhux qed ngħiduh aħna, imma jgħiduh dawk li attendew u tpaxxew b’dak li offrejna kemm il-Ħamis li għadda u anke l-bieraħ.

Niftaħru b’surmast direttur li l-isem tiegħu biss jagħmilna kburin; direttur mużikali li bil-ħila tiegħu rnexxielu jtella’ produzzjoni oħra grandjuża. Niftaħru b’nies bħal Dr Maria Frendo direttriċi tal-kor tat-teatru, li għal darb’oħra wera li fejn jidħol kor fi gżiritna m’hemmx paraguni; Niftaħru b’nies bħal Joseph Cauchi, żagħżugħ minn tagħna, ħabrieki fi ħdan l-Għaqda ta’ l-Armar tal-festa ta’ San Ġorġ, li jħaddan talent liema bħalu fejn tidħol l-arti u d-disinn ta’ xenarju teatrali. Niftaħru b’nies bħal Emanuel Grima u George Farrugia, nies b’esperjenza kbira fejn jidħlu l-kostumi għal produzzjonijiet teatrali; Niftaħru, iva u bir-raġun.

X’ma nkunux kburin meta fostna għat-tielet darba kellna lit-tenur Malti b’fama mondjali, Joseph Calleja – tenur li għalih it-teatru tagħna qisu “daru”. Konna aħna li offrejnielu ċ-ċans li jiddebutta fil-qasam operistiku, u did-darba reġa’ kien fostna, għaxar snin wara d-debutt tiegħu. Tajjeb li wieħed isemmi, li t-tenur Calleja ċaħad offerta li jkanta f’Covent Garden f’dan ix-xahar biex seta’ jkun fostna u parti mill-kast ta’ l-opra “Macbeth” – opra li lilu fetħitlu t-triq għal suċċessi kbar li għamlu unur lilu u lil Malta tagħna. Il-poplu Malti hu mxennaq mill-vuċi tat-tenur Joseph Calleja, (xhieda ta’ dan huwa l-applaws grandjuż li rċieva t-tenur hekk kif tfaċċa fuq il-palk, mingħajr biss kien għadu kanta, lejn tmiem l-ewwel att) u grazzi għat-Teatru tagħna, huma setgħu jgawdu aktar mill-qrib lil dan it-tenur fenomenali.

Ma rridux ninsew is-sehem ta’ Marco Chingari (Macbeth) u Francesca Patane (Lady Macbeth) li kulħadd baqa’ impressjonat bl-interpretazzjoni li taw f’dawn iż-żewġ karattri prinċipali fl-opra “Macbeth”. L-istess jista’ jingħad għal Franco de Grandis li interpreta l-parti ta’ Banco. It-Teatru Astra għal darb’oħra ta opportunità lil kantanti Maltin u Għawdxin biex jieħdu sehem f’partijiet sekondarji (Joseph Aquilina fil-parti ta’ Malcolm, Dorienne Portelli fil-parti ta’ Dama, Kevin Caruana fil-parti ta’ Dottore u Bernard Busuttil fil-parti ta’ Araldo) u dawn ukoll ħarġu bl-unuri.

Kienet strumentali wkoll il-ħidma min-naħa tad-direttur artistiku, Mario Corradi, li bl-esperjenza vasta tiegħu rnexxielu jgħaqqad ix-xogħol kollu biex ittellgħet produzzjoni oħra suċċess. Imfaħħar ukoll kien l-effett tad-dawl fuq il-palk, grazzi għall-ħidma ta’ Ivan Galea u George Zammit, żewġ persuni oħra ferm ħabrieka fi ħdan is-Soċjetà tagħna.

Wieħed ta’ min ifaħħar ukoll il-ktejjeb li tqassam lill-udjenza, maħdum b’mod professjonali b’materjal ferm interessanti dwar it-Teatru, il-kast, l-opra u l-istorja ta’ l-opra, li ġie mfassal grazzi għall-ħidma ta’ Michael Formosa, membru fi ħdan il-kumitat Festival Mediterranea.

L-Opra “Macbeth” kienet suċċess grazzi wkoll għall-ħidma min-naħa tal-kumitat organizzattiv ta’ Festival Mediterranea iffurmat minn: Joe Borg, Dolindo Cassar, George Cini, George Farrugia, Maria Frendo, Michael Formosa, Joseph Grech, Manuel Grima, Joseph Vella, Anthony Zammit, Marion Zammit u Paul Zammit.

[ritratti: Joe Attard]