Join Us On:

News Archive

“MACBETH” FIT-TEATRU ASTRA

Kif ħabbarna, aktar kmieni fuq dan is-sit, it-Teatru Astra għal darba oħra ser jerġa’ jtella’ l-opra Verdjana “Macbeth” għaxar snin wara li kienet ittellgħet b’tant suċċess fl-istess teatru f’Mejju 1997. Iż-żewġ serati ta’ din l-opra, li ser isiru bħala parti mis-sitt edizzjoni tal-Festival Mediterranea ser ikunu l-Ħamis u s-Sibt, 25 u 27 ta’ Ottubru 2007.

Protagonista tal-opra “Macbeth” ser ikun it-tenur Malti Joseph Calleja li fl-eta’ tenera ta’ dsatax kien iddebutta fl-istess opra, fl-istess teatru, fl-irwol ta’ Macduff. Dak iż-żmien ħadd ma kien jaf b’Joseph Calleja. Kien wara li d-direttur mużikali tat-Teatru Astra, il-professur Joseph Vella, ġie nkoraġġit jisma’ l-vuċi tenera u ħelwa ta’ żagħżugħ mit-tenur Pawlu Axiaq, li immedjatament offrielu r-rwol ta’ Macduff. Minn dakinhar ‘l hawn Joseph Calleja ma ħarisx lura. Issa li kanta fl-aqwa teatri fid-dinja, inkluż fil-Metropolitan u Covent Garden, xorta waħda għandu post speċjali għat-Teatru Astra f’qalbu, hekk li sentejn ilu meta kanta Rodolfo f’“La Boheme”, stqarr li kien irritorna “home”. Bl-istess sentimenti Joseph Calleja aċċetta l-istedina tat-Teatru Astra li jerġa’ jkanta Macduff f’“Macbeth” li qed issir sewwa sew biex tikkommemora l-għaxar snin minn meta saret għall-ewwel darba bil-parteċipazzjoni memorabbli tiegħu.

Wara s-suċċess li nkiseb is-sena l-oħra meta kienu ġew ippreżentati tliet opri f’lejla waħda (Suor Angelica, Pagliacci, u Cavalleria Rusticana), fit-Teatru Astra għaddejja ħidma kontinwa biex jiġi assigurat spettaklu li jkun imsieħeb minn kant ta’ kwalita’ liema bħalu. Kull min kien preżenti għaż-żewġ serati liriċi f’Ottubru li għadda, fadallu jidwi f’widnejħ il-vuċi tas-sopran żagħżugħa Għawdxija Miriam Cauchi fir-rwoli ta’ “Suor Angelica” u Nedda fil-“Pagliacci”. L-istess surmast Riccardo Muti, li dak iż-żmien għamel żjara f’Għawdex fil-jum ta’ qabel l-ewwel rappreżentazzjoni, kien baqa’ msaħħar bil-vuċi ta’ din l-istess sopran. Mhux biss. It-timbru tal-kor ta’ l-istess teatru, immexxi minn Maria Frendo, kien immeravilja lill-istess surmast, hekk li baqa’ preżenti fit-Teatru ferm aktar milli previst.

“Macbeth” għandha tkun ħolqa oħra fis-sensiela ta’ suċċessi tat-Teatru Astra. Fir-rwol ta’ Macbeth, ser jidher il-baritonu Marco Chingari, li lkoll nibqgħu niftakruħ fl-istess teatru bħala, Iago, Scarpia kif ukoll bħala Tonio/Alfio fil-“Pagliacci”/“Cavalleria Rusticana” is-sena l-oħra. It-Teatru Astra kburi wkoll li rnexxielu jakkwista s-servizzi tas-sopran ta’ fama mondjali Francesca Patané fir-rwol diffiċli ta’ Lady Macbeth. Is-sinjura Patané, li hija bint is-surmast leġġendarju Giuseppe Patané, fil-bidu ta’ din is-sena kellha suċċess tremend bl-interpretazzjoni tagħha fit-Teatro dell’opera ta’ Ruma fil-produzzjoni kontroversjali ta’ “Salomé” ta’ Richard Strauss. Il-baxx Taljan Francesco de Grandis ser jinterpreta l-parti ta’ Banquo, filwaqt li ser naraw lil Joseph Aquilina bħala Malcolm, Kevin Caruana, Dottore, Dorienne Portelli bħala Lady-in-waiting u Bernard Busuttil fir-rwol ta’ Araldo.

L-orkestra nazzjonali ser tkun taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella filwaqt li l-produzzjoni qed tiġi afdata f’idejn r-regista Taljan Mario Corradi.

Il-biljetti jistgħu jinkisbu mit-Teatru Astra (21550985) jew e-mail [email protected], kif ukoll mill-Gozo Information Office (21227313) fi Triq Nofsinhar u Anthony d’Amato Music Shop (21234348) fi Triq San Ġwann, Valletta.