Join Us On:

News Archive

LEJN IL-PROGRAMM MUŻIKALI ANNWALI

Il-ġimgħa d-dieħla jingħata bidu għas-seba’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea – festival ta’ kultura u arti mtella’ mis-Soċ. Filar. La Stella.  Hekk kif bħalissa jinsabu għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-opra lirika Turandot li ser tittella’ darbtejn fit-Teatru Astra, il-banda ċittadina u dekana La Stella għaddejja bil-preparazzjoni għall-programm mużikali annwali li ser jittella’ nhar is-Sibt 22 ta’ Novembru fl-istess teatru. Dan l-avveniment ser jagħlaq is-seba’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Il-banda, taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur tagħha, il-Professur Joseph Vella, ilha għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat għaddejja bil-preparazzjoni tagħha, biex f’Novembru jittella’ programm ieħor grandjuż, bħal ma dejjem sar.

Il-mużika għal dan il-programm ġiet magħżula kmieni f’Settembru hekk kif intemmu s-servizzi tas-Sajf. Fil-programm ta’ din is-sena nsibu għal darb’oħra mużika varjata mill-pinna ta’ l-aqwa kompożituri. L-għażla ta’ mużika tvarja minn mużika operistika u klassika għal dik kontemporanja. Fuq kollox ma jonqsux is-siltiet mużikali lokali, fejn bla dubju ser tispikka kompożizzjoni oħra mill-pinna tas-surmast direttur tal-banda tagħna Mro Joseph Vella. Żgur li ser ikun programm li jolqot il-gosti mużikali ta’ kulħadd, għaliex il-banda mhux ser tintrabat ma’ stil wieħed ta’ mużika, anzi ser turi l-potenzjal tagħha fi stili varji ta’ mużika.
 
Il-kunċerti preparatorji ser ikomplu fil-ġimgħat li ġejjin, biex imbagħad fir-raba’ Sibt ta’ Novembru jittella’ kunċert mużikali ta’ klassi li jagħlaq bil-kbir is-seba’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea. Aktar tagħrif dwar il-Programm mużikali annwali tal-banda u Festival Mediterranea fil-jiem li ġejjin. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur ukoll is-sit www.mediterranea.com.mt