Join Us On:

News Archive

LEJN IL-PROGRAMM MUŻIKALI ANNWALI

Kompożizzjoni ġdida – Ludus Tonalis tal-Prof. Mro. Joseph Vella – se tindaqq għall-ewwel darba waqt il-Kunċert Sinfoniku Annwali tal-Banda Ċittadina La Stella, nhar is-Sibt 20 ta’ Novembru fit-Teatru Astra. Dan il-kunċert hu attivita’ oħra fil-programm ta’ attivitajiet tad-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, u din is-sena ser ifakkar l-40 anniversarju tal-Professur Joseph Vella bħala surmast direttur tal-banda.

Is-Surmast Vella ikkompona din il-biċċa xogħol b’dedika għall-Banda Ċittadina La Stella li tagħha din is-sena għalaq 40 sena direttur mużikali:

" Lill- Banda La Stella,
F’għeluq l-40 sena mill-ħatra tiegħi bħala Surmast Direttur,
 Li matulhom magħha ħdimt, għallimt,
… u tgħallimt!"

Ix-xogħol huwa fuq stil ta’ overture f’moviment wieħed li jinkludi diversi taqsimiet kuntrastanti imma mibnija fuq tema waħda li bil-mod tinseġ ruħha f’finali grandjuż.

Minbarra t-tnedija ta’ din il-biċċa xogħol, il-kunċert jinkludi wkoll siltiet differenti ta’ mużika, mill-kontemporanju sal-opra. Il-kunċert jiftaħ bl-overture ta’ Richard Wagner tal-opra Rienzi, miktuba bejn l-1838 u l-1840, u meqjusa waħda mill-opri l-iktar suċċess ta’ dan il-kompożitur sal-bidu tas-seklu għoxrin.

Capriccio Espagnol ta’ Nikolai Rimsky-Korsakov hi biċċa xogħol oħra impenjattiva ferm għall-Banda La Stella. Hi kompożizzjoni miktuba f’ħames movimenti, imsawra fuq melodiji folkloristiċi Spanjoli, li titlob teknika u artikulazzjoni speċjali, b’mod partikolari fir-raba’ moviment mill-istrumenti tal-qasba. Din se tkun l-ewwel darba li din il-biċċa xogħol se tindaqq minn banda Għawdxija.

Kif inhi t-tradizzjoni f’Teatru Astra, il-kunċert annwali tal-banda jinkludi wkoll selezzjoni tal-opra li tkun għadha kif ittellgħet fl-istess teatru ftit ġimgħat qabel bħala parti mill-istess festival. Din is-sena, il-Banda tagħna se tkun qed tinterpreta selezzjoni tal-opra tant popolari ta’ Giuseppe Verdi La Traviata.

Il-kunċert jinkludi wkoll siltiet kontemporanji miktuba għall-banda fosthom ix-xogħol ta’ Jacob De Haan Free World Fantasy u l-Intermezz ta’ Roger Deronge:Walking on Music bil-protagonist, is-solista George Camilleri fuq l-Ewfonju.

Il-kunċert annwali tal-banda ċittadina La Stella se jsir nhar is-Sibt 20 ta’ Novembru fit-Teatru Astra u jibda fis-7.30pm. Il-pubbliku b’mod ġenerali hu mistieden jattendi. Id-dħul hu b’xejn.