Join Us On:

News Archive

LEJN IL-150 SENA U IKTAR …

FACADE CLEAN

Ħamsin sena ilu, sewwasew f’Novembru tal-1963, is-Soċjetà Filarmonika La Stella għamlet festi speċjali biex tfakkar l-ewwel mitt sena tagħha.  Sa mis-snin tletin tas-seklu għoxrin, is-Soċjetà La Stella dejjem għarfet il-bidu tagħha lis-sena 1863.  Matul daż-żmien kollu ntqal u nkiteb ħafna fuq it-tnissil tal-Banda La Stella, kemm minn partitarji tal-Istilla stess li b’mod diżinteressat offrew ħinhom sabiex idommu ġrajjiet is-Soċjetà u kemm minn oħrajn li qajla kienu midħla tagħha.

Bil-ħsieb, għalhekk, li f’din is-sena, 2013, jiġi ċċelebrat b’mod xieraq il-150 anniversarju tal-Banda Ċittadina La Stella, sentejn ilu tnieda proġett ambizzjuż ta’ riċerka estensiva li eventwalment għandu jwassal għal analiżi oġġettiva u pubblikazzjoni komprensiva tal-istorja tas-Soċjetà La Stella.

F’dan l-istadju jista’ jiġi kkonfermat li għadu qiegħed jinġabar – kif diġà nġabar – materjal ġdid ta’ interess storiku li għandu jgħin mhux ftit fl-istħarriġ xjentifiku.  Mir-riċerka li saret s’issa jidher ukoll bl-iktar mod ċar li l-istorja tas-Soċjetà jeħtiġilha tgħaddi minn rivalutazzjoni serja u qawwija.

Matul din l-aħħar sena u nofs sar tiftix intensiv fuq l-arkivju mużikali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella li minnu joħorġu tliet affarijiet importanti:

  • L-arkivju mużikali tas-Soċjetà La Stella huwa wieħed tabilħaqq għani, speċjalment fejn tidħol mużika qadima.  Il-kwantità ta’ partituri u biċċiet rispettivi tal-mużika li jmorru lura snin kbar hija waħda verament notevoli.
  • Għal xi raġuni jew oħra, ħafna mill-materjal antik li jinsab fl-arkivju mużikali tas-Soċjetà qatt ma ġie mgħarbel jew talinqas indikat f’xi pubblikazzjoni.  Anzi, tant tħalla mwarrab u mitluq għal snin twal, li xi ftit jew wisq ġarrab xi ħsara li f’ċerti każi tista’ titqies irreparabbli.
  • Għall-fini ta’ storja ħafna minn dawn is-sorsi primarji huma għalkollox “ġodda” billi probabbilment qed jerġgħu jaraw id-dawl tax-xemx wara għexieren ta’ snin, u għalhekk ħa jgħinu qatigħ fl-analiżi kontemporanja ta’ ġrajjiet is-Soċjetà tagħna.

Barra minhekk, bid-dokumentazzjoni li għandna f’idejna, inħossu li f’dan il-mument jistgħu jsiru ċerti osservazzjonijiet ta’ natura storika li għad iridu jkomplu jiġu żviluppati iktar ’il quddiem:

  1. B’differenza minn dak li ilu jinkiteb għal bosta u bosta snin, il-kuntratt tal-11 ta’ Jannar 1881 li sar għand in-Nutar Onorato Giovanni Refalo ma jikkonċernax it-twaqqif legali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, iżda huwa biss ftehim bejn żewġ partijiet distinti minn xulxin – min-naħa l-waħda s-Surmast Anton Buhagiar (1861-1932) u min-naħa l-oħra għoxrin bandist – fuq diversi kundizzjonijiet li kellhom jibdew jiġu mħarsa mill-firmatarji bl-għan li l-operat tas-Soċjetà Filarmonika tagħhom ikun wieħed solidu.  Fil-fatt jidher li l-kuntratt kien riżultat ta’ riforma fl-istruttura u t-tmexxija tas-Soċjetà pre-eżistenti li issa mhux biss kellha dehra iżda wkoll identità ġdida, dik ta’ La Stella Vincitrice.
  2. Kuntrarjament għal dak li ilu jintqal minn xi wħud, ir-rabta tal-Perit Pietru Attard (1835-1916) mal-Banda La Stella tmur lura sew qabel l-1881.  Fl-arkivji tas-Soċjetà La Stella isem Pietru Attard jitfaċċa diversi drabi kemm qabel u kemm wara l-1881, b’mod partikulari fejn tidħol mużika għall-Banda.
  3. Għall-ewwel darba jista’ jingħad b’ċertezza li l-Perit Pietru Attard mhux biss għamel żmien idoqq il-flawt, iżda l-mużika kien jafha tajjeb ukoll.  Tant hu hekk li l-arkivju mużikali tas-Soċjetà La Stella huwa miżgħud b’partituri u b’partijiet tal-mużika mħejjija għall-Banda La Stella b’reqqa liema bħalha mill-Perit Attard.
  4. Kif jixhed l-imsemmi kuntratt tal-11 ta’ Jannar 1881, il-“famuża” antica società mhija ħadd għajr is-Soċjetà Filarmonika La Stella.  L-elementi lingwistiċi li jsawru l-artiklu numru 3 tal-istess kuntratt, fejn issir riferenza speċifika għall-antica società, ma jħallu lok għall-ebda tip ta’ dubju f’dan ir-rigward.
  5. Mhuwiex minnu, għalhekk, li s-Soċjetà La Stella twaqqfet fl-1880 mis-Surmast Anton Buhagiar, kif hemm min irid isostni għal skopijiet purament partiġġjani.  Anzi, fl-1880 l-Banda La Stella kienet diġà ilha numru ta’ snin iddoqq marċi u bċejjeċ oħra mużikali li jitolbu ċertu mpenn.  Tant hu hekk li mir-riċerka li saret s’issa joħroġ biċ-ċar li fl-1875 il-Banda La Stella, li dak iż-żmien kienet għadha bla isem uffiċċjali u kienet magħrufa fost l-oħrajn bħala l-antica società, kellha f’idejha arranġament mużikali għall-banda tas-Sinfonija La Brillante tas-Surmast Emanuele Bartoli li jidher li kellu ġa relazzjoni mill-qrib magħha.  Fil-fatt, fl-arkivju tas-Soċjetà La Stella din is-sena nstabu kemm il-partitura kif ukoll il-partijiet kollha tal-mużika ta’ dan l-arranġament li mhux biss ġew miktuba waħda waħda minn Bartoli nnifsu, iżda saħansitra kollha kemm huma jġorru l-firma tiegħu bid-dati 1874 u 1875.

Għalhekk, bix-xieraq li l-lejla, f’dal-programm annwali, il-Banda Ċittadina La Stella tibda trodd l-ewwel frott tar-riċerka li saret s’issa billi mhux biss tesponi fil-pubbliku iżda fuq kollox tesegwixxi s-Sinfonija La Brillante tas-Surmast Emanuele Bartoli li se tkun l-ewwel waħda f’ħannieqa sħiħa ta’ evidenza soda li ċertament tikkonferma iktar minn qatt qabel il-primat storiku tas-Soċjetà Filarmonika La Stella li mil-lum ’il quddiem tista’ tibda tissejjaħ L’ANTICA SOCIETÀ, l-eqdem Soċjetà mużikali t’Għawdex, li – kif iddikjarat ħamsin sena ilu – it-tnissil u t-trawwim tagħha jmur lura qabel l-1863, bi storja glorjuża ta’ 150 sena u iktar.

Il-Kumitat Ġenerali
Soċjetà Filarmonika La Stella