Join Us On:

News Archive

LEJN FESTIVAL MEDITERRANEA 2010

Ninsabu ftit aktar minn xahar ‘il bogħod mill-ftuħ uffiċjali tad-disa’ edizzjoni ta’ Festival Mediterranea organizzat mis-Soċjeta’ Filarmonika La Stella u l-preparamenti għal dan l-akbar avveniment kulturali f’Għawdex jinsabu fl-aqwa tagħhom. Għal darb’oħra l-attivitajiet ewlenin f’dan l-avveniment annwali huma ż-żewġ rappreżentazzjonijet tal-opra lirika La Traviata u bla dubju l-kunċert mużikali annwali mill-banda ċittadina La Stella. 

Għal sena oħra, il-kumitat responsabbli ħaseb biex jippreżenta Festival ieħor ta’ klassi u mimli b’attivitajiet li jvarjaw minn kunċerti; opra; ikliet; spettakli ta’ żfin; u anke taħdidiet u żjarat f’siti storiċi u arkeoloġiċi mmexxija minn Dr David Trump.

Intant l-edizzjoni ta’ din is-sena tiftaħ nhar il-Ħamis 28 ta’ Ottubru bl-ewwel rappreżentazzjoni tal-opra La Traviata u jagħlaq fis-27 ta’ Novembru bi spettaklu ta’ żfin folkloristiku mill-Astra Folk Group, li din is-sena qed ifakkar għeluq l-erbgħin sena, fit-Teatru Astra. Għall-programm sħiħ ta’ attivitajiet nitolbukom iżżuru l-websajt uffiċjali ta’ Festival Mediterranea, www.mediterranea.com.mt li tista’ tintlaħaq ukoll minn www.teatruastra.com. Dan is-sit qed jiġi aġġornat regolarment bl-aħħar aħbarijiet li jirrigwardaw il-festival u produzzjonijiet fit-teatru. Barra dawn il-websajts, għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jakkwista wkoll programm f’forma ta’ booklet mill-bookings office tat-Teatru Astra, li ġie ppubblikat aktar kmieni dan ix-xahar.

Fil-ġimgħat li għaddew tħabbru wkoll il-protagonisti ewlenin tal-opra La Traviata. Id-direzzjoni artistika ġiet fdata fl-idejn esperti ta’ Marco Gandini. Ir-rwoli prinċipali ser jiġu interpretati mis-sopran Għawdxija Miriam Cauchi (Violetta); Alessandro Liberatore (Alfredo); u l-baritonu Marco Chingari (Germont). L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali tkun immexxija mill-Prof. Joseph Vella li għal dawn l-aħħar erbgħin sena kien is-surmast direttur tas-Soċ. Filar. La Stella u mexxa l-opri liriċi kollha li ttellgħu fit-Teatru Astra. Il-kor tat-teatru jkun immexxi minn Dr. Maria Frendo. 

L-Opra La Traviata fuq Your Gozo Guide
Ħarġa numru 13 ta’ Your Gozo Guide, ippubblikata minn Arkadia Marketing Ltd tat ħarsa lejn l-istaġun operistiku f’Għawdex biż-żewġ produzzjonijiet fiż-żewġ teatri fil-belt Victoria. Fuq il-qoxra tal-ktejjeb insibu ritratt mill-isbaħ mill-aħħar produzzjoni operistika fit-teatru tagħna: Rigoletto. F’paġna 8 imbagħad insibu feature interessanti ħafna bit-titlu: Andiamo all’Opera!! Wieħed jista’ jara dan il-feature billi jżur din il-link.